Fi żjara liċ-ċentru Esplora, il-President ta’ Malta George Vella ddeskriva dan iċ-ċentru interattiv bħala proġett innovattiv. Qal kif dan huwa wieħed uniku mhux biss b’funzjoni edukattiva iżda wkoll bil-għan li jtejjeb il-perċezzjonijiet u l-attitudnijiet tan-nies dwar ix-xjenza u t-teknoloġija.
Flimkien mas-Sinjura tiegħu, Miriam Vella, il-President tar-Repubblika qal kif b’dan il-mod qed tiġi kkultivata kultura ta’ kurżità u kreattività marbuta max-xjenza. Qal kif l-ħidma tal-Presidenza tiegħu tħaddan il-prinċipju tal-inklużjoni, fejn timxi id f’id mal-ħidma tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija.
Għal din iż-żjara kien hemm preżenti s-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo li qal kif iċ-ċentru Esplora huwa l-benniena għar-riċerka u l-innovazzjoni f’pajjiżna.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Jeffrey Pullicino Orlando qal kif il-Kunsill se jkompli jaħdem aktar sabiex jiġi żgurat li s-settur tax-xjenza jkompli jikber.