Il-pazjenti u r-riċerkaturi għandhom jaħdmu id f’id biex wieħed ikun jista’ jibbaża fuqha t-trattament neċessarju u l-appoġġ meħtieġ wara r-riċerka neċessarja li twassal għal dijanjosi tajba.
Fid-diskors tiegħu waqt l-avveniment imtella’ mill-Alleanza Nazzjonali ta’ Appoġġ għal Mard Rari, il-President ta’ Malta George Vella elenka numru ta’ punti fost oħrajn dwar il-bżonn ta’ titjib fil-koperazzjoni, il-komunikazzjoni, l-impenn u l-fiduċja reċiproka bejn il-pazjenti, il-familji tagħhom u l-prattikanti.
Il-President Vella spjega l-importanza li l-pazjenti jingħataw dijanjożi ċara u veritiera b’lingwaġġ li bih jifhmu x’għandhom ħażin.
Filwaqt li għaraf li din il-parti tal-konsulenza mhix dejjem l-iktar waħda faċli, b’mod speċjali meta l-kundizzjoni tkun ikklassifikata bħala marda rari, huwa qal li l-prattikanti għandhom iżommu f’moħħhom l-ansjetà tal-pazjenti u l-għatx tagħhom li jsiru jafu iktar.
Hu tenna li iktar ma tingħata informazzjoni, iktar ser ikun hemm il-possibbiltà ta’ dijanjożi aħjar u f’iqsar żmien.
Il-President temm jgħid li l-għan aħħari huwa li jkollna l-għarfien u l-għodod meħtieġa biex nagħmlu dijanjożi kemm jista’ jkun kmieni u nagħtu lill-pazjenti b’mard rari l-benefiċċju massimu possibbli, kemm fil-kwalità tal-ħajja kif ukoll fit-tul tagħha.