Il-President ta’ Malta George Vella nieda konferenza għall-għaqda nazzjonali. Dan bil-ħsieb li l-għaqda, li ġensna tant hu magħruf għaliha, tkun irfinata u tkompli sseddaq lil dan in-nazzjon.
Il-President fakkar kif fl-impenn tiegħu dakinhar tal-ħatra, kien hemm proprju il-wegħda li jseddaq l-għaqda fin-Nazzjon Malti.
Huwa spjega kif hemm bosta affarijiet li jagħtuna l-identità ta’ Nazzjon u li llum il-ġurnata jista’ jkun li bdejna nitraskurawhom.
Il-President Vella qal,“Għandek dawk li huma l-affarijiet illi jtuna identità ta’ Nazzjon, jiġifieri,insemmu bandiera, jekk insemmu l-innu malti, jekk insemmu l-lingwa, l-Malti. Dawn huma forsi affarijiet li traskurajniehom, anke jekk nitkellmu fuq il-lingwa, għamilt anke l-kummenti tiegħi, illi forsi mhux qed intuhom ukoll il-valur, mhux nivvalutawhom biżżejjed daqskemm jixirqilna.”
Il-President Vella spjega kif dan l-aħħar ħa gost jisma’ esponenti politiċi jitkellmu favur l-għaqda f’pajjiżna. Stqarr li wasal iż-żmien li pajjiżna jagħżel ċertu kawżi li jeħtieġ li jkun magħqud dwarhom.
Għal din il-konferenza ġew magħżula numru ta’ persuni rinomati fis-setturi rispettivi tagħhom sabiex ilkoll imexxu d-diskussjoni dwar l-għaqda nazzjonali.
Il-President spjega kif dawn il-persuni huma kemm jista’ jkun miftuma mill-politika biex jingħata spazju sħiħ liċ-ċittadini biex b’mod ħieles juru l-ħsibijiet tagħhom.
Il-konferenza se ssir nhar is-27 ta’ Frar fil-Palazz Verdala. Filwaqt li huwa limitat ħafna n-numru ta’ persuni li jistgħu jattendu minħabba l-miżuri marbuta mal-pandemija tal-COVID-19, wieħed ser jingħata l-opportunità li jsegwi u jipparteċipa fuq il-paġna ta’ Facebook tal-President ta’ Malta.