Fil-jum tal-Ħadd il-President ta’ Malta George Vella ċċelebra t-tieni sena mindu ġie maħtur bħala l-għaxar President tar-Republika.
F’dan l-anniverssarju, il-President f’messaġġ lin-Nazzjon Malti u Għawdxi semma diversi temi li messewlu qalbu f’dawn l-aħħar xhur.
Il-President George Vella qal li matul dawn is-sentejn iltaqa’ ma bosta sfidi, b’waħda mill-kbar kienet dik tal-pandemija tal-Covid-19.
Hawnhekk, filwaqt li appella lill-poplu Malti u Għawdxi biex ikun responsabbli, innota l-ħeffa fil-programm ta’ vaċċinazzjoni ta’ pajjiżna.
Qal, “Il-messaġġ tiegħi jibqa’ wieħed konsistenti, irridu nibqgħu responsabbli, solidali ma’ xulxin u nibqgħu maqgħudin mingħajr ma nitilfu t-tama. Dan jgħodd issa aktar minn qatt qabel meta wara sena għalissa għandna vaċċin li jista’ jilqalna xi ftit u qiegħed jingħata lill-poplu Malti b’ħeffa.”
Il-President ta’ Malta qal li x-xewqa tiegħu hija li flimkien bħala pajjiż, naslu għall-għaqda nazzjonali.
Spjega, “Proġett ieħor għal qalbi ħafna li varajt tul din is-sena kien dak tal-għaqda Nazzjonali. Kif tafu dan huwa suġġett li qed nisħaq fuqu b’mod kostanti partikolarment din l-aħħar sena. Aktar ma nara li qed jikbru l-firdiet bejnietna aktar inħoss il-ħtieġa li nappella għall-għaqda Nazzjonali.”
Ma naqasx li f’dan il-jum speċjali, jsemmi l-qalb ġeneruża tal-poplu Malti u Għawdxi.
Qal, “Bl-isforz kbir irnexxielna ntellgħu l-Istrina li minkejja ċ-ċrikustanzi wriet il-qalb kbira u ġeneruża tal-Malti. Il-poplu Malti sab mezz kif iwassal il-kontribut tiegħu biex tkompli tingħata għajnuna lil min hu l-iktar dgħajjef fostna.”
Temi oħra bħal dawk tal-ambjent u l-immigrazzjoni wkoll ingħataw importanza fil-messaġġ tal-President Dr George Vella.
Finalment, f’ismu u f’isem martu s-Sinjura Miriam Vella, il-President irringrazzja lill-Poplu Malti u Għawdxi tal-appoġġ kontinwu li jagħtuhom.