Waqt it-tnedija tal-ktieb ‘State in Audit in Times of Transition’, maħruġ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, l-NAO, il-President ta’ Malta George Vella faħħar il-ħidma tal-istess uffiċċju.
F’diskors tal-okkażjoni l-President ta’ Malta nnota l-maturità li dejjem ħadem biha dan l-Uffiċċju fil-ħamsa u għoxrin sena kemm ilu li ġie mwaqqaf u li matulhom ippubblika diversi rapporti kritiċi u b’rakkomandazzjonijiet diversi.
Huwa faħħar lill-ħaddiema kollha ta’ dan l-Uffiċċju, kemm dawk tal-lum kif ukoll lil dawk li ħadmu fih kemm ilu jeżisti.
Il-President Vella għażel li jitkellem dwar il-fiduċja li jgawdi dan l-Uffiċċju.
“Jekk inħarsu lura u naraw x’sar minnha matul iż-żmien, irnexxielha bl-aktar mod ċar li tirbaħ il-fiduċja tal-poplu, u din hija xi ħaġa li hija importanti ħafna għax istituzzjoni li ma tirbaħx il-fiduċja, li m’hijiex rispettata, tista’ kważi kważi ma teżistix.”
Il-President Vella żied jgħid ukoll li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, huwa parti minn tranżizzjoni importanti li għaddej minnha pajjiżna u li fiha qed ikun katalist billi baqa’ dejjem jadatta għall-isfidi li jinħolqu.
Dan qed isir f’kuntest globali li qiegħed joffri aktar inċertezzi u li fihom iċ-ċittadin ifittex punt ta’ riferiment li joffri stabbiltà u permanenza bħal dak li joffri dan l-Uffiċċju.
Il-President ta’ Malta temm l-intervent tiegħu billi ta ħarsa lejn il-ħidma internazzjonali tal-Uffiċċju nazzjonali tal-Verifika sabiex ikompli jissaħħaħ il-profil li għandu pajjiżna lil hinn minn xtutna.