B’reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-Bord tal-Inkjesta Pubblika dwar il-qtil tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia, l-uffiċċju tal-President fakkar il-ħidma li wettaq u qed iwettaq il-President ta’ Malta George Vella.
L-uffiċċju tal-President għamel referenza għar-reazzjoni uffiċjali li kienet ippubblikata fejn il-President ta’ Malta għamilha ċara li jemmen li r-rakkomandazzjonijiet tal-Bord għandhom jiġu rispettati u, kull fejn huwa possibbli, jitwettqu.
Fl-istess reazzjoni, hu kien esprima s-sogħba tiegħu għal dak kollu li wassal għall-assassinju tas-Sinjura Caruana Galizia.
Il-President Malti kien saħansitra ltaqa’ b’mod privat mal-membri tal-familja tas-Sinjura Caruana Galizia fil-Palazz ta’ Sant’Anton bħala pass li hu jqis bħala importanti lejn ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali.
Fi stqarrija mibgħuta mill-uffiċċju tal-President intqal li l-President Vella ħa nota wkoll ta’ dawk ir-rakkomandazzjonijiet għal tibdil fil-leġiżlazzjoni u t-tnedija ta’ liġijiet ġodda biex jiddaħħlu aktar miżuri ta’ kontroll u l-ħarsien aħjar tal-istat tad-dritt. Minkejja dan, hu fakkar li liġijiet u miżuri ġodda bħal dawn ma joriġinawx mill-Uffiċċju tal-President.
Ġie rrimarkat li l-President kellu wkoll laqgħa mal-membri tal-Awtorità tax-Xandir u se jerġa jiltaqa’ mal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin matul din il-ġimgħa, wara laqgħa li diġà kellu magħhom f’April li għadda.
Apparti hekk, saru koll diskussjonijiet fuq ir-rakkomandazzjoni li jiġi stabbilit kumitat ta’ esperti magħmul minn akkademiċi, esperti f’dan il-qasam, u ġurnalisti.
L-Uffiċċju tal-President fakkar li l-President qiegħed imexxi wkoll il-proċess tar-Riforma tal-Kostituzzjoni, li matul ix-xhur fisser kuntatt dirett u skambji frekwenti mal-membri tal-Kummissjoni Venezja u mal-membri tal-Kummissjoni għar-Riforma Kostituzzjonali, li magħhom ġew diskussi u miftiehma riformi kostituzzjonali maħsuba biex ikomplu jsaħħu l-istat tad-dritt u l-governanza tajba f’Malta.
L-istqarrija temmet itenni l-impenn tal-President Malti biex, bl-għajnuna ta’ kulħadd, ikompli jaqdi l-obbligi u d-dmirijiet tiegħu skont kif titlob il-kostituzzjoni.