L-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, għamlet żjara fis-Sede tal-Malta Football Association matul il-ġurnata tal-Erbgħa, fejn iltaqgħet mal-ogħla uffiċjali tal-Assoċjazzjoni, assoċjati u diversi selezzjonijiet tat-Timijiet Nazzjonali.
L-avveniment immarka waħda mid-dati ewlenin fil-kalendarju taċ-ċelebrazzjonijiet tal-125 anniversarju tal-Assoċjazzjoni, bl-2025 tkun sena ċelebrattiva għall-Malta FA.
Wara l-wasla tagħha, l-E. T. Myriam Spiteri Debono ħadet sehem f’laqgħa mal-ogħla uffiċjali tal-Assoċjazzjoni biex tiddiskuti numru ta’ inizjattivi u avvenimenti ewlenin li l-Malta FA għandha lesti għas-sena.
Il-President ta’ Malta mbagħad iltaqgħet mal-impjegati amministrattivi tal-Malta FA, qabel ma ngħatat dawra fil-Mużew tal-Futbol ta’ Malta, biex tagħti ħarsa aktar profonda lejn l-istorja tal-futbol ta’ Malta.
Wara, it-Tim Nazzjonali tan-Nisa ta’ Malta, flimkien ma’ staff miċ-Ċentru Tekniku kellhom l-opportunità jiltaqgħu ma’ H.E. Spiteri Debono. Dan kien segwit minn laqgħa mat-Tim Nazzjonali tas-Subien ta’ taħt is-17-il sena ta’ Malta qabel il-kampanja ta’ kwalifikazzjoni tagħhom għall-Kampjonat Ewropew ta’ taħt is-17-il sena tal-UEFA tal-2025.
Meta tkellem waqt iż-żjara, il-President tal-MFA Bjorn Vassallo irrimarka li huwa ta’ unur li kien qed jilqa’ lill-President ta’ Malta fil-Kumpless tal-Futbol Ta’ Qali għall-ewwel darba.
“Iż-żjara tal-lum tkompli tirrokonoxxi dak li dejjem kien intrinsikament fl-istorja tal-Malta FA, dik tal-għaqda bejn in-nies u l-missjoni li tkompli taħdem mal-komunità permezz tal-futbol,” żied jgħid. Huwa enfasizza kif l-assoċjazzjoni saret rikonoxxuta kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment bħala organizzazzjoni li hija diliġenti, inklussiva, u li għandha valuri tajbin, filwaqt li f’dak li għandu x’jaqsam mal-isport, l-MFA dejjem tat opportunitajiet lil kulħadd, irrispettivament mill-isfond rispettiv tiegħu.
Waqt li kienet qed tindirizza lill-uffiċjali tal-MFA, il-President fakkrithom li l-ħidma tagħhom tifforma parti integrali fil-promozzjoni ta’ Malta u l-valuri tagħha. Il-President Myriam Spiteri Debono indirizzat ukoll lit-Tim Nazzjonali Malti tan-Nisa, u lit-tim nazzjonali Malti tal-irġiel ta’ taħt is-17-il sena, fejn faħħrithom għar-riżultati pożittivi u ddeskriviethom bħala l-ambaxxaturi ta’ Malta, kemm lokalment kif ukoll fuq livell internazzjonali.