Il-President ta’ Malta George Vella flimkien ma’ martu, is-Sinjura Miriam Vella, żaru l-Mużew Nazzjonali tal-Arti, il-Muża.
Fi żjara uffiċjali, il-President u martu segwew l-erba’ narrativi tal-MUŻA, li huma l-Mediterran, l-Ewropa, l-Imperu, u l-Artist. Fost ix-xogħlijiet prinċipali fil-mużew hemm dawk tal-pittur Mattia Preti u l-iskultur Antonio Sciortino.
Il-mużew fih madwar 20,000 biċċa xogħol tal-arti.
Waqt din iż-żjara l-President Vella esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan il-mużew sabiħ tal-arti fil-qalba tal-Belt Valletta.
Qal li l-proġett tal-Muża kien wieħed li rriżulta f’suċċess, u dan jixduh l-għexieren ta’ xogħlijiet artistiċi li jinkludi l-mużew fi ħdanu.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Heritage Malta, Noel Zammit, li dawwar lill-President u s-Sinjura Vella madwar l-esibizzjonijiet, qal li huwa ta’ unur għall-aġenzija nazzjonali responsabbli mill-mużewijiet, il-konservazzjoni, u l-wirt kulturali, li turi lill-Kap tal-Istat it-teżori artistiċi ta’ pajjiżna.
Min-naħa tiegħu, is-Sur Kenneth Cassar, kuratur anzjan tal-Heritage Malta, iddeskriva din l-okkażjoni bħala waħda unika hekk kif dan il-proġett fil-qalba tal-Belt Valletta wassal biex l-istorja tal-arti ta’ pajjiżna tkun aċċessibbli għall-poplu kollu.