Il-President ta’ Malta George Vella, u s-Sinjura Miriam Vella, flimkien mal-President tal-Irlanda Michael D. Higgins u s-Sinjura Sabina Higgins, il-Ħamis filgħodu żaru l-belt ta’ Cork – belt li għandha rabtiet ma’ Malta fuq l-aspett ta’ riċerka ambjentali.
Huma kellhom taħdita interessanti ma’ grupp ta’ studenti f’University College Cork, li ffukat fost oħrajn fuq it-tibdil fil-klima u l-ħarsien tal-ambjent. Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti żewġ studenti Maltin li kellhom l-opportunità li jistudjaw in-nursing f’din l-università permezz tal-programm Erasmus. Bħalissa f’University College Cork qed jistudjaw 32 student minn Malta.
F’kumment lill-ġurnalisti, il-President Vella tkellem dwar il-kuntatti b’saħħithom li għaddejjin bejn Malta u l-Irlanda fil-qasam edukattiv, b’mod partikolari fil-qasam tax-xjenza u dak mediku.
Iż-żewġ Presidenti żaru wkoll l-Istitut ta’ Riċerka Ambjentali fi ħdan l-Università, fejn saritilhom preżentazzjoni tax-xogħol tal-istitut li jiffoka fuq l-isfidi ambjentali tat-tibdil tal-klima, l-ekonomija ċirkulari, u ambjent b’saħħtu.