Komplew il-laqgħqat bilaterali f’pajjiżna, wara li Malta ospitat il-Laqgħa tal-Kapijiet ta’ Stat Mhux Eżekuttivi tal-UE, imsejħa wkoll il-‘Grupp Arraiolos’.
Il-President George Vella laqa’ lill-President tal-Irlanda Michael D. Higgins għal taħditiet uffiċjali fil-Palazz ta’ Sant’Anton. Il-President Higgins esprima s-sodisfazzjon tiegħu għaż-żmien magħżul u għall-kontenut tal-laqgħa li rat il-parteċipazzjoni attiva ta’ tnax-il president. Iż-żewġ presidenti qablu fuq il-ħtieġa li l-komunità internazzjonali ma titlifx il-momentum miksub s’issa fir-rigward tat-tibdil fil-klima, iċ-ċentralità taċ-ċittadini u l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. L-impatt tal-gwerra fl-Ukrajna fuq il-prezzijiet tal-prodotti bażiċi u tal-enerġija ġie diskuss fit-tul ukoll. Din kienet it-tieni darba li ż-żewġ presidenti ltaqgħu din is-sena wara ż-żjara statali tal-President Michael D. Higgins f’Malta f’Mejju li għadda.
Illum ukoll saru taħdidiet uffiċjali bejn il-President George Vella u l-President tal-Ġermanja Frank-Walter Steinmeier fil-Palazz ta’ Sant’Anton. Il-President tal-Ġermanja qal li din hija okkażjoni tassew f’lokha, meta jitqies it-taqlib fl-Ewropa. Iż-żewġ presidenti ddiskutew fit-tul l-iżviluppi fil-Balkani tal-Punent mill-perspettiva tat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea.
It-tnejn qablu li huwa importanti li l-pajjiżi kandidati u l-popli tagħhom jingħataw sinjali ċari ta’ inkoraġġiment u motivazzjoni.
Tkellmu fid-dettall ukoll dwar ix-xenarju l-aktar reċenti fl-Ukrajna, b’mod partikolari wara l-annessjonijiet illegali mir-Russja. Iż-żewġ presidenti ddiskutew ukoll l-iżviluppi fil-Mediterran, b’mod partikolari dawk fil-Libja.
Ingħatat ukoll ħarsa ġenerali lejn l-investiment Ġermaniż f’Malta tul l-għexieren tas-snin u l-President Vella qal li dan kellu rwol strumentali fit-tkabbir u d-diversifikazzjoni tal-ekonomija.
Iż-żewġ presidenti ltaqgħu diversi drabi fil-passat, bl-aħħar darba tkun f’Berlin waqt żjara fil-Ġermanja mill-President George Vella f’Settembru tal-2021.
Intant il-President tal-Portugall, Marcelo Rebelo de Sousa, ukoll żar il-Palazz ta’ Sant’Anton illum waranofsinhar għal taħditiet uffiċjali mal-President George Vella.
Il-President Rebelo de Sousa faħħar lill-President Vella għaż-żmien f’waqtu ta’ din il-laqgħa u għall-għażla tat-temi fuq l-aġenda. Minkejja l-ħtieġa evidenti li tiġi diskussa l-gwerra fl-Ukrajna, ġew indirizzati wkoll kwistjonijiet oħra ta’ natura reġjonali u globali, bħall-irkupru wara l-COVID, is-sigurtà tal-enerġija, it-tibdil fil-klima u l-migrazzjoni. Kien importanti ħafna wkoll li jipprevali s-sens ta’ għaqda.
Aktar kmieni, il-President ta’ Malta kellu laqgħa bilaterali mal-President tal-Greċja. Iż-żewġ presidenti ffukaw b’mod partikolari fuq il-migrazzjoni fil-Mediterran, u it-tnejn saħqu dwar il-bżonn li jinstab bilanċ bejn is-solidarjetà u r-responsabbiltà.