Il-President ta’ Malta, George Vella, issuġġerixxa t-twaqqif ta’ programm strutturat ta’ skambju għall-istudenti bbażat fil-Mediterran, simili għall-ERASMUS tal-Unjoni Ewropea iżda li jkun jiffoka b’mod speċifiku fuq l-ivvjaġġar taż-żgħażagħ min-Nofsinhar għan-Nofsinhar, bħala waħda mill-ideat li jistgħu jiġu diskussi bl-għan li jiġi żgurat li r-reġjun tal-Mediterran isir tabilħaqq mużajk ta’ opportunitajiet u tat-tlaqqigħ tan-nies.
Filwaqt li saħaq fuq l-importanza ta’ koperazzjoni bejn il-pajjiżi tan-Nofsinhar infushom fis-setturi kollha fejn saħaq kif huma diversi l-benefiċċji edukattivi u kulturali ta’ skambji min-Nofsinhar għan-Nofsinhar bejn iż-żgħażagħ tal-Mediterran, tal-Afrika ta’ Fuq, tal-Lvant Nofsani u tal-Golf jistgħu jkunu bla limitu.
Il-President kien qiegħed jindirizza lill-parteċipanti fil-ftuħ tat-Tielet Seminar ta’ Taħriġ fit-Tmexxija tal-Young Mediterranean Voices (il-YMV), ikkoordinat mill-Anna Lindh Foundation (l-ALF) u l-Mediterranean Academy of Diplomatic Studies (il-MEDAC) tal-Università ta’ Malta.
Preżenti wkoll għall-messaġġ tal-President kien hemm Nabil al-Sharif, Direttur Eżekuttiv tal-ALF, u Godfrey Pirotta, Chairperson tal-MEDAC.
Ritratt: OPR