Il-President ta’ Malta George Vella għadda messaġġ favur l-onestà u t-trasparenza mill-kandidati waqt din l-elezzjoni ġenerali u ħeġġeġ lill-votanti biex jagħmlu għażla serja.
Dan stqarru permezz ta’ stqarrija fejn innota li l-avveniment ta’ elezzjoni ġenerali huwa importanti fil-ħajja ta’ pajjiż demokratiku meta l-poplu jkun mitlub jagħżel it-tmexxija tal-pajjiż għall-leġiżlatura ta’ wara.
Dr Vella appella lill-kandidati biex ipoġġu l-interess tal-poplu l-ewwel u qabel kollox.
Hawnhekk tenna kif m’hemmx lok għal tgħajjir, insulti u speċjalment allegazzjonijiet bla bażi.
Il-President ta’ Malta appella ukoll lill-votanti kollha biex jaqdu dmirijiethom u d-dover tagħhom billi jagħmlu deċiżjoni għaqlija b’riflessjoni serja biex jitwettaq l-aħjar u l-aktar ġid fil-pajjiż.