Uffiċjal mill-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Korea t’isfel qal li l-President Yoon Suk Yeol jinsab miżmum milli jħalli l-pajjiż wara l-attentat li jimponi l-liġi marzjali fallielu u hekk kif qed tiżdied l-insistenza li għandu jirriżenja u l-kriżi tat-tmexxija tal-pajjiż tkompli tintensifika.
Yoon għamel apoloġija għall-attentat u qal li kien se jħalli d-destin politiku u legali tiegħu f’idejn il-partit li qed jiggverna, il-PPP, iżda ma rriżenjax. Skont rapporti mil-midja lokali, huwa qiegħed jiffaċċja investigazzjoni kriminali.
Il-Ministru tad-Difiża qal li Yoon legalment għadu l-kap tal-istat iżda tilef il-fiduċja fost l-uffiċjali għolja militari u anke membri tal-partit tiegħu stess li minn naħa tagħhom iddikjaraw li kienu se jwaqqfu task force sabiex jippreparaw għall-eventwali riżenja tiegħu.
Il-Kap tal-uffiċċju tal-investigazzjoni ta’ korruzjoni fuq uffiċjali għolja, Oh Dong-woon, mistoqsi waqt seduta tal-Parlament x’azzjonijiet kienu ttieħdu kontra l-President, qal li kien ġie ordnat sabiex joħroġ devjat fuq l-ivjaġġar internazzjonali ta’ Yoon.
Filwaqt li Yoon salva mill-vot tal-impeachment ta’ nhar is-Sibt, id-deċizjoni tal-partit tiegħu li jiddelegaw l-awtorità presidenzjali lill-Prim Ministru, tefat lil dan il-pajjiż meqjus bħala alleat ewlieni tal-Istati Uniti, fi kriżi kostituzzjonali.
Din l-inċertezza f’Seoul qed isseħħ waqt mument ġeopolitiku importanti fir-reġjun, hekk kif allegatament il-Korea ta’ Fuq qed tibgħat truppi biex tgħin lir-Russja fil-gwerra kontra l-Ukrajna u t-tisħiħ tar-rabtiet militari bejn Moska u Pyongyang.