Dobromir Karamarinov, il-President ta’ European Athletics, Frank Carreras, il-President tal-Athletics Association of Small States of Europe u Andy Grech, il-President ta’ Athletics Malta dalgħodu indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet ġurnata qabel il-Kampjonati tal-Atletika għall-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa (CSSE 2022).
Karamarinov esprima l-apprezzament tiegħu għall-ħidma sfiqa ta’ Malta biex tospita dawn il-Kampjonati li se jsiru għada fl-Istadium tal-Marsa. Huwa ddeskriva l-avveniment bħala ta’ valur kbir għall-atleti, b’mod partikolari wara l-isfidi li għadda minnu l-isport fl-aħħar sentejn.
Huwa esprima l-ammirazzjoni tiegħu għal viżjoni li għandha Athletics Malta biex dan l-isport jikber mhux biss f’Malta iżda anke f’pajjiżi żgħar oħra fl-Ewropa. “Malta għandha l-potenzjal biex torganizza kompetizzjonijiet akbar fis-snin li ġejjin. Huwa mill-aktar pożittiv li Athletics Malta għandha din il-viżjoni għal dan l-isport”.
Frank Carreras, il-President tal-Athletics Association of Small States of Europe (AASSE) ddeskriva l-Logħob tas-CSSE bħala l-avveniment l-aktar importanti fil-kalendarju tal-pajjiżi ż-żgħar u qal li din hija opportunità eċċellenti biex l-atleti jikkompetu kontra avversarji ta’ livell għoli hekk kif 16-il pajjiż minn madwar l-Ewropa se jkunu f’Malta għal dan l-avveniment. Is-Sur Carreras iddeskriva l-organizzazzjoni tas-CSSE 2022 f’Malta bħala tal-għola livell u faħħar l-isforzi ta’ Athletics Malta biex ittella’ kompetizzjoni ta’ din il-livell.
Il-President ta’ Athletics Malta Andy Grech qal li dawn il-Kampjonati huma importanti għal diversi raġunijiet. L-ewwelnett, għall-atleti, hekk kif dawn se jkollhom opportunità li jikkompetu kontra avvesarji ta’ livell ogħla, u dan huwa ta’ benefiċċju kbir għal pajjiżi żgħar u b’limitazzjonijiet territorjali, fosthom gżejjer bħal Malta, l-Iżlanda u Ċipru. It-tieni, din hija opportunità wkoll għall-uffiċjali biex jesperjenzaw avveniment ta’ dan il-kalibru, hekk kif Athletics Malta qed timmira biex tattira lejn xtutna kompetizzjonijiet akbar fil-qasam tal-atletika. “Athletics Malta se tkompli tibni fuq l-isforzi tagħha biex Malta ssir destinazzjoni sportiva. Pajjiżna għandu dak kollu li hemm bżonn għall-atleta: klima ideali u faċilitajiet li huma ideali biex atleti barranin jiġu Malta jitħarrġu u jikkompetu hawn. Għalhekk, se nkomplu nibnu fuq din id-direzzjoni li qbadna”, temm jgħid Grech.
Il-programm huwa disponibbli hawnhekk https://cssemalta22.mt/. Dħul b’xejn.
CSSE 2022 u t-Tim Malti huma appoġjati mill-Kumitat Olimpiku Malti, SportMalta, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Eurosport, Medcomms Ltd, Big Mat, Salini Resort u Corporate ID Group.