Il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono żaret il-maltabiennale.art f’Villa Portelli fil-Kalkara fejn kellha l-opportunità tiltaqa’ ma’ uffiċjali minn ambaxxati, artisti u kuraturi li tellgħu l-padiljuni tagħhom.
B’din iż-żjara, il-President Spiteri Debono ġeddet il-patronċinju tagħha għal dan il-proġett nazzjonali li fl-ewwel edizzjoni tiegħu diġà poġġa lil pajjiżna fil-kalendarju kulturali dinji.
Il-President żaret ukoll l-uffiċini ċentrali ta’ Heritage Malta fejn iddawret miċ-Chairman u l-President tal-maltabiennale.art, Mario Cutajar, u l-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, fost oħrajn.
Il-President iltaqgħet mal-ħaddiema tal-aġenzija, waqt li żaret il-laboratorji djanjostiċi u l-laboratorji tar-restawr fejn bħalissa għaddejjin diversi proġetti ta’ konservazzjoni, waqt li faħħret il-bidla qawwija li ġabet Heritage Malta dwar kif inħarsu lejn il-patrimonju tagħna.
Spiteri Debono semmiet kif il-biennale, li għaqqad l-interpretazzjoni tal-istorja mal-arti kontemporanja fis-siti ta’ Heritage Malta, jixhed l-impenn tal-aġenzija li tfassal viżjoni ġdida għaliha biex twassal lill-poplu jagħraf aħjar lilu nnifsu u jkompli jibni l-identità tiegħu.
F’Villa Portelli, il-President Spiteri Debono iltaqgħet ma’ rappreżentanti tal-padiljuni nazzjonali tal-Ukrajna, l-Italja, Spanja u l-Polonja.