Il-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, għamlet żjara uffiċjali fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO), fejn iltaqgħet mal-Awditur Ġenerali Charles Deguara u d-Deputat Awditur Ġenerali Noel Camilleri.
Matul iż-żjara, l-Eċċellenza Tagħha saret taf fid-dettall dwar ix-xogħol tal-NAO u l-awditi li jsiru skont il-mandat kostituzzjonali tiegħu. Hija saħqet fuq l-importanza ta’ dan l-uffiċċju fil-proċess demokratiku u l-governanza tajba ta’ pajjiżna, b’ħidma li trid tibqa’ oġġettiva u imparzjali.

L-Awditur Ġenerali rringrazzja lill-President għall-ewwel żjara tagħha, u faħħar l-impenn tal-impjegati tal-NAO, li jservu b’serjetà u professjonalità. Huwa tenna li l-governanza tajba tibqa’ l-għan ewlieni.
Il-President indirizzat ukoll lill-istaff kollu u wriet l-apprezzament tagħha, fosthom b’mementos lil dawk li waslu biex jirtiraw. Fl-aħħar tal-attività, ġiet ippreżentata donazzjoni lill-Malta Community Chest Fund f’isem l-impjegati tal-NAO.
L-Eċċellenza Tagħha kienet akkumpanjata mis-Sinjura Moira Attard, is-Sur Reuben Sciberras u l-Maġġur Richard Vassallo.
