Il-President George Vella ħalla Malta dalgħodu għal Ġinevra fl-Iżvizzera, fejn se jattendi u jindirizza l-‘World of Work Summit 2023: Social Justice for All’ organizzat mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO).
Is-summit ta’ jumejn se jiffoka fuq ir-rwol ewlieni tal-ġustizzja soċjali fil-ħolqien ta’ dinja aktar sostenibbli u ġusta; u għalih mistennija jattendu Kapijiet ta’ Stat u Gvern, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, id-Direttur Ġenerali tal-ILO u rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema. Din hija t-tieni darba li l-President se jkun qed jindirizza lill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol f’Ġinevra – l-ewwel darba kienet f’Ġunju tal-2019.
Matul iż-żjara tiegħu f’Ġinevra, il-President Vella se jkollu laqgħat ta’ livell għoli fl-istituzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Magħquda, fost oħrajn mad-Direttur Ġenerali tal-ILO, Gilbert F. Houngbo, u mal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Magħquda għar-Refuġjati, Filippo Grandi, kif ukoll mal-Prim Ministru tal-Bangladesh Sheikh Hasina u mal-Prim Ministru tat-Tuneżija Najla Bouden.
Sakemm il-President Vella jkun impenjat f’Ġinevra, il-Professur Frank Bezzina se jservi fil-kariga ta’ Aġent President ta’ Malta. Il-President George Vella jiġi lura Malta nhar il-Ħamis, 15 ta’ Ġunju, 2023.