Il-President ta’ Malta George Vella ħalla Malta dalgħodu għal Porto fil-Portugall għat-18-il Laqgħa Informali tal-Kapijiet ta’ Stat Mhux Eżekuttivi tal-Unjoni Ewropea, magħrufa bħala l-‘Grupp Arraiolos’.
Il-laqgħa, immexxija mill-President tal-Portugall Marcelo Rebelo de Sousa, se tikkonsisti f’żewġ sessjonijiet, li matulhom il-Kapijiet ta’ Stat mistennija jiddiskutu fost oħrajn il-gwerra fl-Ukrajna u l-isfidi li qed taffaċċja l-Unjoni Ewropea, u l-Parlament Ewropew.
Il-Grupp Arraiolos tlaqqa’ għall-ewwel darba 20 sena ilu mill-President Portugiż ta’ dak iż-żmien Jorge Sampaio fil-belt ta’ Arraiolos bil-għan li l-Kapijiet ta’ Stat Mhux Eżekuttivi jaqsmu ħsibijiethom fuq dak li jkun għaddej fl-Ewropa u lil hinn minnha. Is-sena li għaddiet, il-laqgħa saret Malta u tmexxiet mill-President Vella.
Sakemm il-President ikun impenjat f’Porto, il-Professur Frank Bezzina se jservi fil-kariga ta’ Aġent President ta’ Malta.
Il-President Vella mistenni lura Malta nhar is-Sibt, 7 ta’ Ottubru 2023.