B’referenza għall-istqarrija maħruġa mill-Voice for Choice illum 28 ta’ Jannar 2020, l-Uffiċċju tal-President irid jagħmilha ċara li kuntrarju għal dak li ġie rrappurtat b’intenzjonijiet mhux ċari, il-President qatt ma kien parteċipi ma’ ebda grupp lemini jew xellugi li kien kontra d-drittijiet ċivili bħad-divorzju, l-IVF u l-LGBTIQ. Tali allegazzjonijiet huma kompletament bla bażi.
L-Uffiċċju tal-President itenni li l-President qatt ma sab diffikultà li jkun ċar dwar x’jaħseb fuq id-dritt għall-ħajja. Din il-pożizzjoni hija magħrufa u mhux se tinbidel. L-allegazzjonijiet ta’ Voice for Choice huma żbaljati għaliex l-Uffiċċju tal-President ma ftiehemx li jagħmel xi manifestazzjoni pubblika dwar dan is-suġġett.
Kull mhu maqbul mal-Uffiċċju tal-President, huwa li nhar il-Ħadd 2 ta’ Frar 2020, il-President jattendi għal Quddiesa favur il-ħajja, kif għamlu Presidenti ta’ qablu sena wara sena. Wara l-quddiesa huwa ppjanat li titkompla l-attività fl-Oratorju tal-Konkatidral ta’ San Ġwann.