Il-President ta’ Malta George Vella ġie ppreżentat bil-Queen’s Baton b’antiċipazzjoni għat-22 edizzjoni tal-Logħob tal-Commonwealth li se ssir f’Birmingham is-sena d-dieħla.
Il-President Vella feraħ lill-Kumitat Olimpiku Malti talli għamel l-arranġamenti biex jirċievi l-Baton wara l-waqfa tagħha f’Ċipru u faħħar lid-diversi kunsilli lokali talli pparteċipaw fir-relay u ħadu l-baton fil-qalba tal-komunitajiet.
Huwa spjega li l-Logħob tal-Commonwealth tal-2022 huwa ffukat fuq il-kunċett ta’ sostenibbiltà kemm fit-tmexxija u fl-organizzazzjoni tal-logħob innifsu, kif ukoll bħala l-bażi ta’ regola ġenerali li għandhom josservaw il-partijiet kollha involuti.
Filwaqt li rrefera għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Magħquda, il-President qal li ż-żmien li fadal minn issa sas-sena 2030 ma jħallilna l-ebda għażla ħlief li nistinkaw bla heda, u minkejja kull diffikultà, biex nilħqu l-miri rispettivi.
Huwa rringrazzja personalment lit-tliet ambaxxaturi tal-Queen’s Baton: Neil Agius, Fabio Spiteri u Jake Vella, talli tefgħu dawl fuq ħafna kwistjonijiet koperti mill-SDGs.
Il-President irringrazzja lil kulħadd għall-isforzi tagħhom biex jitqajjem għarfien dwar il-ħarsien tal-ambjent u t-tbatija ta’ dawk l-iktar vulnerabbli. Filwaqt li awguralhom ilkoll, huwa rringrazzja wkoll lill-awtoritajiet talli jinvestu fiż-żgħażagħ u fl-isport – investiment li se jibqa’ jagħti l-frott għas-snin li ġejjin.
Intant il-kontinġent Malti għal-Logħob tal-Commonwealth iltaqa’ wkoll mas-Segretarju Parlamentari responsabbli għall-isport, fil-Pixxina tal-Qroqq.