Il-valuri tas-solidarjetà, rispett, ġustizzja, u libertà għandhom jiġu mħaddna mill-familji tagħna u jiġu enfasizzati.
Dan intqal mill-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, fir-raba’ edizzjoni tal-konferenza ‘L-Istat tan-Nazzjon’ – l-ewwel waħda li saret taħt il-Presidenza tagħha minn kemm ilha fl-irwol.
Fil-Palazz Verdala faħħret l-istħarriġ li sar, li fi kliemha stabilixxa dak li jolqot lill-Maltin u lill-Għawdxin l-aktar.
Il-President żiedet tgħid li l-familja għadha b’saħħitha f’pajjiżna, iżda saħqet li t-tfal għandhom jingħataw kull opportunità biex jimirħu fil-karrieri futuri tagħhom, tant li qalet li pajjiżna għandu jara li l-iskejjel jiżviluppaw fuq il-ħsieb filosofiku tat-tfal stess.
Il-President innotat ukoll kif inqas nies ħarġu jivvutaw fl-elezzjoni tat-tmienja ta’ Ġunju li għadda, u qalet li f’pajjiż tant żgħir, dan jista’ jkun fattur inkwetanti.
Għalhekk temmet billi qalet li dan l-istudju għandu jkun ta’ gwida għal dawk fit-tmexxija ħalli jifhmu l-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tal-poplu, biex nimxu ’l quddiem bħala poplu u jiġu indirizzati l-bżonnijiet ta’ kulħadd.