Il-President Myriam Spiteri Debono ltaqgħet mal-President tal-Italja, Sergio Mattarella.
Il-President ta’ Malta esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li fl-ewwel żjara uffiċjali tagħha qed iżżur l-Italja, pajjiż li għandu rabtiet importanti ta’ ħbiberija bejn il-popli li tmur lura għal qabel l-Indipendenza, kif ukoll rabtiet kulturali, storiċi u politiċi.

Min-naħa tiegħu, il-President Mattarella nnota li din il-Presidenza qed issir fi żmien importanti fuq livell globali, u li matulu Malta għandha rwol importanti f’fora internazzjonali.
Matul il-laqgħa ġew diskussi diversi suġġetti ta’ interess komuni, fosthom il-kummerċ bejn iż-żewg pajjiżi, il-Mediterran, l-Unjoni Ewropea, l-Afrika u l-Lvant Nofsani.

Id-delegazzjoni Maltija kienet komposta wkoll mis-Segretarju Permanenti Chris Cutajar, l-Ambaxxatur Malti għall-Italja, Daniel Azzopardi, is-Segretarju tal-Presidenza Moira Attard kif ukoll uffiċjali oħra mill-Uffiċċju tal-President u mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu.