Il-President Myriam Spiteri Debono kellha udjenza privata mal-Qdusija Tiegħu Papa Franġisku, fil-Vatikan. Matul il-laqgħa, il-Papa tkellem dwar l-esperjenza tiegħu f’Malta matul iż-żjara uffiċjali fl-2022, u ġedded il-memorji ta’ meta kien jistudja fi Buenos Aires, fit-triq tiegħu biex isir Ġiżwita, fejn jistudjaw flimkien miegħu kellu żewġ studenti Għawdxin.
Il-Papa tkellem ukoll fuq diversi suġġetti oħra, fosthom in-nisa fit-tmexxija u l-importanza li t-twelid tal-ulied jiżdied.
Fiż-żjara tagħha għand il-Papa, il-President kienet akkumpanjata minn żewġha, Dr Anthony Spiteri Debono, membri oħra tal-familja tagħha, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Dr Ian Borg u l-familja tiegħu, l-Ambaxxatur ta’ Malta għas-Santa Sede, Frank Zammit, u uffiċjali mill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta li lkoll kellhom l-opportunità li jiltaqgħu mal-Papa Franġisku.
Matul din il-laqgħa, il-President ta’ Malta għaddiet lill-Papa Franġisku apparat mediku biex jintuża fil-klinika Ambulatorio Madre di Misericordia li, fuq inizjattiva tal-Papa stess, toffri servizzi tas-saħħa b’xejn lil pazjenti fil-bżonn. Apparti dan l-apparat mediku, ġie wkoll preżentat lill-Papa ċestin bi pjetanzi Maltin u Għawdxin.
Iż-żjara uffiċjali tal-President barra minn Malta tkompli fil-Polonja, fejn il-President se tattendi ċ-ċerimonja uffiċjali li matulha se jitfakkar it-tmenin anniversarju mil-liberazzjoni tal-kamp ta’ konċentrament ta’ Auschwitz-Birkenau.