L-impenji tal-President George Vella b’rabta mal-laqgħa tal-Arraiolos Malta komplew dalgħodu hekk kif laqa’ lill-President Katerina Sakellaropoulou tal-Greċja.
Iż-żewġ presidenti ffukaw b’mod partikolari fuq il-migrazzjoni fil-Mediterran, u it-tnejn saħqu dwar il-bżonn li jinstab bilanċ bejn is-solidarjetà u r-responsabbiltà. Il-President Griega rreferiet għat-traġedja li seħħet fil-ġurnata ta’ qabel fejn għerqu xi migranti ’l barra mill-gżejjer ta’ Lesbos u Kythira.
Sar riferiment ukoll għall-aħħar żviluppi fir-rigward tal-fruntieri fil-Lvant tal-Mediterran fejn il-President Vella qal li l-liġi internazzjonali hija l-uniku mezz vijabbli li jsolvi tali tilwim. L-instabbiltà prevalenti fil-Libja ġiet diskussa wkoll fil-kuntest tat-tnaqqis tal-migrazzjoni irregolari li toriġina mill-Afrika sub-Saħarjana, bi tranżitu fis-Saħel, fejn il-punti finali tat-tluq bil-baħar ikunu l-kosta Libjana.
Matul il-ġurnata tal-lum ser ikun hemm laqgħat bilaterali oħra mal-kapijiet ta’ stat li qegħdin iżuru pajjiżna, u matulhom il-President Vella ser ikun akkumpanjat mill-Aġent Ministru għall-Affarijiet Barranin Owen Bonnici.