Il-President tar-Repubblika Malti, George Vella laqa’ lil Wang Yi, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, fil-Palazz Verdala.
Waqt din il-laqgħa, il-President Vella fakkar li s-sena l-oħra ġie ċċelebrat il-50 Anniversarju mill-bidu tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn iż-żewġ pajjiżi, u żied jgħid li minn dak iż-żmien sar progress fl-oqsma kollha.
Il-President Vella fakkar l-impenn ta’ Malta, li ilu għal żmien twil, favur id-diplomazija bħala strument għad-djalogu u laqa’ d-deċiżjoni tad-delegazzjonijiet tal-Istati Uniti u taċ-Ċina li jagħżlu lil Malta bħala l-post għat-taħditiet ta’ livell għoli tagħhom f’dawn l-aħħar jumejn.
Dan kien eżempju konkret ieħor tal-missjoni tal-pajjiż li jippromwovi l-paċi u l-istabbiltà fil-viċinat immedjat tiegħu u lil hinn minnu.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Yi stqarr li l-fatt li qablu li jiltaqgħu f’Malta kompla jixhed il-fiduċja u r-rispett li Malta tgawdi fil-livell internazzjonali. Huwa osserva li r-relazzjonijiet bilaterali kisbu momentum maż-żmien u nbnew fuq ir-rispett reċiproku minkejja d-differenza fid-daqs u l-ġeografija.
Il-Ministru feraħ lil Malta għar-rwol tagħha bħala Membru elett tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u żied jgħid li din il-pożizzjoni tipprovdi diversi opportunitajiet biex tikkoopera maċ-Ċina, bħala membru permanenti tal-Kunsill, fuq sfidi globali urġenti bħat-tnaqqis tal-faqar, l-Aġenda 2030 u t-tibdil fil-klima.
Iż-żewġ partijiet iddiskutew oqsma ta’ kollaborazzjoni u sfidi globali, fosthom il-gwerra Russa fl-Ukrajna, il-President Vella saħaq li ċ-Ċina għandha rwol essenzjali biex tipperswadi lir-Russja biex ittemm il-gwerra, fl-interess tal-istabbiltà u l-paċi internazzjonali.