Nhar l-Erbgħa l-President Amerikan Joe Biden mistenni jżur l-Iżrael biex jiddiskuti biex jiġi mgħarraf dwar il-pjanijiet tal-Iżrael għall-gwerra kontra l-militanti tal-Hamas.
Huma se jiddiskutu l-għajnuna umanitarja u jipprovaw joħolqu xi tip ta’ passaġġ sikur biex iċ-ċivili jitilqu minn Gaża.
Intant wieħed mill-aqwa Ġenerali Amerikani, Michael Kurillam, jinsab ukoll fl-Iżrael fuq żjara li ma kinitx ippjanata. Huwa qed jissorvelja l-forzi Amerikani fil-Lvant Nofsani.
Bħalissa għaddejjin ukoll taħditiet dimplomatiċi dwar il-possibilità li terġa’ tinfetaħ il-fruntiera bejn l-Eġittu u Gaża.
Il-militar Iżraeljan qal li madwar nofs miljun Iżraeljan ġew avekwati f’dawn l-aħħar għaxart ijiem.
Il-Ġnus Maqgħuda tenniet li s-sitwazzjoni f’Gaża hija waħda problematika hekk kif madwar miljun Palestinjan kellhom jaħarbu minn djarhom u għandhom bżonn urġenti provvista ta’ ikel, ilma u fjuwil.
Kmieni dalgħodu mill-inqas 23 persuna mietu wara li l-Iżrael attakkat żona bl-isem ta’ Khan Younis. Dan ħareġ fi stqarrija mill-ministeru għall-Intern Palestinjan. Sostniet li 28 oħra nqatlu f’attakki fiż-żona ta’ Rafah, qrib l-fruntiera mal-Eġittu.
Wara li jżur l-Iżrael, il-Presidet Joe Biden se jivvjaġġa lejn Amman, il-Ġordan. Hemmhekk, se jiltaqa’ mar-Re tal-Ġordan Abdullah, il-President tal-Eġittu Al-Sisi u l-President tal-Awtorità Palestinjana, Mahmoud Abbas.