Il-President Amerikan Joe Biden jinsab fiduċjuż li l-Amerika se tkun tista’ timmarka d-data tal-4 ta’ Lulju mhux biss bħala Jum l-Indipendenza imma anke l-jum li l-Amerika tkun rebħet il-ġlieda kontra l-Covid-19.
Dan dejjem jekk il-poplu jikkopera mal-miżuri mħabbra u jitlaqqam.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-President Biden ordna lill-istati kollha sabiex l-adulti kollha jkunu jsiru eliġibbli għall-vaċċin kontra l-Covid-19 sal-1 ta’ Mejju li ġej.
L-adulti ħa jingħataw il-prijorità biex jieħdu t-tilqima skont l-età u l-kundizzjoni ta’ saħħithom.
Il-President Amerikan żied jgħid ukoll li ser jiġu estiżi l-pjanijiet fil-programm ta’ tilqim billi jiżdiedu n-numru ta’ postijiet fejn jitlaqqmu n-nies. Bi qwiebel, studenti tal-mediċina, dentisti u saħansitra veterinarji huma fost dawk li jistgħu jlaqqmu n-nies.
Dan id-diskors sar f’għeluq is-sena minn meta dan il-virus kien ġie meqjus bħala pandemija u fejn aktar minn nofs miljun Amerikan tilfu ħajjithom.