Il-valur tas-solidarjetà madwar id-dinja qed jidher sew bħalissa madwar id-dinja, anki f’Malta, wara li faqqgħet l-invażjoni Russa fl-Ukrajna.
Dan intqal mill-President ta’ Malta George Vella f’diskors li għamel fis-Sala tat-Tron quddiem l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż u l-Korp Diplomatiku.
Bil-qiegħda biswit Papa Franġisku, Dr Vella qal kif f’dawn l-aħħar snin, id-dinja nbidlet wara l-pandemija li ħakmet lid-dinja u semma kif wara dan kollu fl-Ewropa reġa’ hawn gwerra, dik ġewwa l-Ukrajna.
Il-President Malti qal minkejja dan il-ħażin kollu, kien hemm it-tajjeb hekk kif qed tintwera s-solidarjetà.
Hawnhekk Dr George Vella qal kif Malta taqbel perfattament ma’ kliem ta’ Papa Franġisku dwar l-importanza tal-paċi madwar id-dinja.
Dwar is-suġġett tal-immigrazzjoni, il-President Malti qal kif Malta qatt ma beżgħet milli tgħin lin-nies u hekk se tkompli tagħmel, iżda saħaq fuq l-importanza tas-solidarjetà minn pajjiżi oħra.
Huwa tkellem ukoll dwar il-bidla fil-klima, li llum kulħadd qiegħed jirrealizza li jeħtieġ nindirizzaw dan il-fenomenu.
Il-President Malti tkellem ukoll kif ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Vatikan huma b’saħħithom u jispera li dawn ir-relazzjonijiet jibqgħu b’saħħithom.
Dr Vella qal kif pajjiżna se jkompli jaħdem sabiex jgħin lil dawk vulnerabbli u saħaq kif pajjiżna se jkompli jisħaq li l-ħajja tibda mill-konċipement sal-mewt.