Il-President ta’ Malta George Vella rringrazzja lill-għaqdiet volontarji kollha għall-ħidma kontinwa tagħhom f’dawn iż-żminijiet diffiċli minn kemm ilha li faqqgħet l-imxija.
Dan intqal waqt li kien qed jindirizza s-serata annwali tal-Premju Nazzjonali tal-Volontarjat.
Il-President qal li r-reżiljenza ta’ dan is-settur tal-volontarjat se tkun importanti anke wara l-pandemija, hekk kif l-esperjenza ta’ kull voluntier se tkun importanti għall-iżvilupp ta’ pajjiżna.
Qal, “F’pajjiżna nistgħu ngħidu li s-settur tal-volontarjat huwa mifrux f’kull qasam. Jekk nagħtu ħarsa madwarna f’din is-sala naraw li pajjiżna mogħni b’voluntiera fil-qasam soċjali, dawk umanitarju, fil-qasam tas-saħħa, fil-ħarsien tal-annimali, fil-ħarsien tal-ambjent, fl-edukazzjoni mhux formali u tant u tant oqsma oħra.”
Il-President radd ħajr lill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat talli għal sena oħra qed jippremja lil dawk li permezz ta’ ħidma tagħhom ħolqu l-ġid.