F’Ċerimonja fil-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm, il-President ta’ Malta George Vella ta rikonoxximent lil bosta irġiel li taw tal-inqas 100 donazzjoni tad-demm u lin-nisa li taw tal-inqas 50 donazzjoni tad-demm matul ħajjithom.
Fil-Palazz Verdala l-President iddeskriva dan il-ġest bħala għotja tat-tama tal-ħajja għall-pazjent li kellu bżonn id-demm u għall-familja tiegħu kollha.
Il-President stqarr li huwa kburi li f’pajjiżna hawn għadd kbir li huma donaturi regolari, li ma jistennewx li jiġu mgħajta biex imorru jagħtu d-demm, iżda minn jeddhom imorru fiċ-Ċentru tas-Servizz Nazzjonali.
Fid-dawl ta’ dan, il-President ħeġġeġ lill-eluf ta’ pazjenti li ta’ kull sena jirċievu d-demm fl-isptarijiet ta’ Malta u Għawdex biex jindirizzaw messaġġ ta’ ringrazzjament lid-donaturi tad-demm permezz ta’ kartolina, li jibagħtu fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm. B’dan il-ġest, qal il-President, id-donatur iħossu apprezzat u jimtela b’kuraġġ ġdid u b’determinazzjoni akbar biex kull meta jista’ jagħti d-demm, u jħeġġeġ lil ħaddieħor jagħmel bħalu.
Hawnhekk huwa kellu appella wkoll għal aktar dixxiplina personali minn kull min juża t-triq, sabiex ma jseħħux inċidenti li jħallu impatt fuq ir-riserva tad-demm.
Waqt li sellem ix-xogħol imprezzabbli li jsir fiċ-Ċentru Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm, li jagħti servizz kontinwu u professjonali, il-President appella lil dawk kollha f’saħħithom biex jersqu lejn iċ-ċentru u jsiru donaturi regolari.