Il-President ta’ Malta George Vella ltaqa’ mal-membri tal-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis.
Il-President Vella saħaq dwar l-importanza tal-professjonalità għal min jaħdem f’dan il-qasam u esprima sodisfazzjon li l-membri tal-Awtorità kollha għandhom kwalifiki, għarfien u esperjenza wiesgħa fl-oqsma tal-mediċina, tal-psikoloġija, u professjonijiet oħra marbuta mas-saħħa.
Huwa ħeġġeġ lill-Awtorità biex taħdem b’mod serju, awtonomu u indipendenti.
Il-President spjega li fil-fehma tiegħu, l-Awtorità għandha tieħu rwol attiv u titkellem u żżomm djalogu kontinwu ma’ dawk li esprimew tħassib dwar il-liġi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis.
Fil-laqgħa kien hemm preżenti wkoll il-Ministru Owen Bonnici, li għarraf lill-President li f’diskussjonijiet li kellu mal-membri tal-awtorità, huwa saħaq dwar l-importanza li tiġi osservata l-liġi, filwaqt li tinżamm l-awtonomija tagħha.
Huwa spjega wkoll li fil-preżent għaddejjin numru ta’ laqgħat ma’ esperti barranin u li se jkunu qed ikomplu jagħtu lill-awtorità qafas b’saħħtu biex tħaddem il-liġi.