Waqt li kien qed jindirizza l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, fl-okkażjoni ta’ Jum l-Ewropa, il-President ta’ Malta George Vella semma kif l-UE twaqqfet 71 sena ilu, permezz tad-Dikjarazzjoni ta’ Schuman meta fil-kontinent Ewropew inħasset il-ħtieġa għall-għaqda. Matul is-snin l-UE evolviet, żviluppat istituzzjonijiet u bdiet timraħ barra l-konfini tagħha. L-UE saret preżenza importanti fuq il-livell internazzjonali.
Madanakollu Dr Vella stqarr li f’diversi okkażjonijiet differenti setgħet kienet aktar proattiva u anke skjetta, kemm fix-xena internazzjonali u b’mod speċjali fir-reġjuni li jmissu direttament mal-fruntieri tagħna. Barra minn hekk, maż-żmien beda jinħass id-distakk bejn iċ-ċittadini Ewropej u l-istituzjonjiet tal-UE.
Għalhekk, Dr Vella sostna li l-UE ħasset il-bżonn ruħha b’tali mod li taqdi u tirrifletti l-ħtiġijiet tar-realtajiet tal-lum, sostna li dan il-pass huwa pożittiv għat-tiġdid tal-UE u tenna li dan għandu jsir dejjem b’rispett lejn il-valuri fundamentali li fuqhom issawret l-istess Unjoni.
Il-President saħaq li t-temi tad-diskussjoni huma pertinenti ħafna, fosthom it-tibdil fil-klima; is-saħħa, hekk kif qegħdin f’sitwazzjoni ta’ pandemija; it-trasformazzjoni diġitali; ir-rwol taż-żgħażagħ; is-sigurtà; il-migrazzjoni; u ħafna suġġetti oħra. Bi pjaċir huwa nnota li dawn it-temi huma riflessi fl-Aġenda l-ġdida għall-Mediterran li adottat l-UE fi Frar ta’ din is-sena.
Madankollu rrikonoxxa li dawn l-għanijiet mhux faċli jintlaħqu, u dan ġie ppruvat matul dawn l-aħħar 25 sena li fihom il-membri tal-UE ilhom jikkoperaw fil-Proċess ta’ Barċellona.
Il-President George Vella aċċenna wkoll għal meta reġgħet ġiet proposta ż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva fil-Mediterran, meta dan ġie ppruvat snin ilu b’riżultat fqir ħafna minħabba nuqqas serju ta’ bdil kummerċjali ħieles, speċjalment bejn il-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq membri ta’ din is-sħubija bejn l-UE u l-Viċinat tan-Nofsinhar. Saħaq li hemm bżonn li mill-kitba tad-dokumenti dwar il-miri ngħaddu għall-fatti li jistgħu verament jitgawdew miċ-ċittadini ta’ dawn il-pajjiżi.
Dr Vella semma wkoll proposta li jemmen ħafna fiha, hija dik li għandha x’taqsam maż-żgħażagħ tal-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar u l-proposti li jinħolqulhom opportunitajiet ta’ tagħlim u taħriġ fl-UE, possibbilment fi ħdan programm li jixbaħ lil dak magħruf bħala Erasmus Plus.
Huwa aċċenna wkoll għar-relazzjonijiet bejn pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq ma’ pajjiżi tal-UE. Tenna li t-tisħiħ ta’ dan ir-reġjun huwa kruċjali sabiex jinkisbu l-paċi u l-istabilità fil-pajjiżi ġirien tagħna fit-Tramuntana tal-Afrika għaliex dan iwassal ukoll għal aktar sigurtà fil-Mediterran u fil-kontinent Ewropew kollu.
Hekk kif Malta din is-sena qed tfakkar il-mitt sena mill-kisba tal-Kostituzzjoni tal-1921, li permezz ta’ ħidma mill-poplu tagħha Malta kisbet l-Gvern responsabbli tagħha. Il-President Vella appella biex bl-istess mod jixtieq li ċ-ċittadini kollha jieħdu sehem f’dan id-dibattitu rigward il-futur tal-UE.
Dr Vella qal li jittama li dawn il-proposti li jkunu jirriflettu d-diversitajiet li jħaddnu ċ-ċittadini kollha fi ħdan din l-UE. Huwa temm jgħid li fi spirtu ta’ għaqda, il-poplu Malti għandu ħafna kontribut x’jagħti, speċjalment dwar is-sitwazzjoni fil-Baħar Mediterran, sabiex l-UE tkun aktar reżiljenti, ġusta, u sostenibbli fis-snin li ġejjin.