Il-President George Vella nieda ‘Sculptura’, wirja kurata li tippreżenta ġabra notevoli ta’ 33 biċċa skultura mogħtija b’donazzjoni minn 32 artist b’risq The Malta Community Chest Fund.
Waqt it-tnedija tal-wirja fis-Sala Antoine De Paule fil-Palazz ta’ Sant’Anton, il-President Vella rringrazzja lill-artisti kollha u lil Art4MCCF għat-tieni proġett tematiku bl-għan li jinġabru fondi għal dawk fil-bżonn filwaqt li jiġu promossi l-kisbiet tal-komunità artistika Maltija.
Il-wirja tippreżenta varjetà ta’ skulturi u tinkludi firxa wiesgħa ta’ ġeneri, mill-figurattiv għall-astratt, effimeri, u li saħansitra jinkorporaw elementi bħal popcorn enormi, bżieżaq, busti, maskri u għadam. Is-suġġetti esplorati fix-xogħlijiet ivarjaw minn temi reliġjużi u mitoloġiċi għal fobiji u kwistjonijiet temporanji. L-artisti mistiedna jinkludu individwi stabbiliti sew fix-xena tal-arti Maltija kif ukoll talenti emerġenti promettenti.
Il-pubbliku jista’ jżur il-wirja nhar ta’ Sibt (3, 10, 17 ta’ Ġunju) u Ħadd (4, 11, 18 ta’ Ġunju) bejn id-09: 00 u 12:00 u bejn il-17:00 u t-20:00.