Il-President ta’ Malta George Vella inawgura monument li jfakkar lill-anzjani li tilfu ħajjithom matul il-pandemija tal-COVID-19.
Il-President Vella stqarr li l-pandemija kienet aktar kiefra għall-anzjani, b’mod partikolari għal dawk li jinsabu f’xi residenza jew rikoverati l-isptar. Dan għaliex minkejja l-kura u l-għożża li jħaddnu biha lill-anzjani l-ħaddiema f’dawn l-istituzzjonijiet, il-firda u n-nuqqas ta’ kuntatt fiżiku xorta jibqgħu esperjenzi diffiċli.
Il-President għalhekk appella biex bħala soċjetà nsibu mezz ta’ kif insaħħu l-preżenza tagħna fil-ħajja tal-anzjani.
B’referenza għal dan il-proġett li sar bl-inizjattiva tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ġerentoloġija u l-Ġerjatrija – l-MAGG- il-President Vella osserva kif iż-żewġ figuri tal-monument qed iżommu d-distanza bejn xulxin, iżda permezz tas-swaba’ xorta jixtiequ jżommu kuntatt.
Il-President Vella għalaq id-diskors tiegħu b’messaġġ favur l-għaqda u appella għal politika inklussiva għall-anzjani, li għandha tkun aċċessibbli għal kull anzjan – kemm dawk li jgħixu f’residenza tal-anzjani kif ukoll dawk li jgħixu fid-dar tagħhom.