Il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Vella ltaqgħu ma’ 11-il resident li bħalissa qed isegwu programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga tal-Caritas – il-Prison Inmates Programme – barra mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Uħud mir-residenti qasmu mal-President u mas-Sinjura Vella l-esperjenzi u d-diffikultajiet li affaċċjaw minħabba l-problema tad-droga, li kawża tagħha xellfu difrejhom mal-ġustizzja.
Ilkoll fissru s-sens ta’ mħabba u l-għajnuna li sabu mill-ħaddiema ta’ Caritas Malta fid-dar f’Baħar iċ-Ċagħaq fejn qed isegwu l-programm rispettiv.
Waqt li rrimarka li hemm tama għal kulħadd, il-President Vella appella lir-residenti biex jużaw bl-aħjar mod l-okkażjoni li ngħataw biex joħorġu mill-problema tad-droga.
Il-President innota li permezz tal-ħidma tal-ħaddiema u tal-voluntiera ta’ Caritas Malta, ir-residenti f’din id-dar qed jingħataw togħma ta’ x’inhi n-normalità: li jirrispettaw wieħed lill-ieħor; ta’ kif wieħed jagħder; u fuq kollox is-sens ta’ mħabba.
F’kumment fi tmiem iż-żjara, il-President Vella stqarr li kienet esperjenza li tikkomovik. Filwaqt li rringrazzja lill-ħaddiema tal-Caritas, qal li l-għan taż-żjara ma kienx li jsir xi ġudizzju fuq ir-residenti, imma li jagħmlilhom kuraġġ.
Ritratt: OPR