Waqt żjara li qed jagħmel fost il-komunità ta’ nisel Malti fil-Kanada, il-President ta’ Malta, George Vella, qal li, bl-istess mod li f’Malta jinteraġixxi mal-pubbliku u jisimgħu, iħoss li hija parti mill-missjoni u mid-dmir tiegħu li jistabbilixxi u jrawwem kuntatti mal-Maltin ta’ barra.
Waqt avveniment organizzat mill-Malta Band Club f’Toronto, il-President Vella fakkar li l-ewwel insedjament Malti fil-Kanada jmur lura għall-1826. Illum, madwar 14,000 persuna Maltija tal-ewwel ġenerazzjoni u madwar 21,000 persuna ta’ dixxendenza Maltija jgħixu f’Toronto metropolitana.
Il-President ħeġġeġ lill-membri tal-komunità Maltija fil-Kanada biex iżommu f’moħħhom li huma wkoll għandhom sehem importanti biex isem Malta jibqa’ jingħata r-rispett li jixraqlu fil-pajjiż addottiv tagħhom u ma’ komunitajiet oħrajn.
It-tradizzjonijiet, qal il-President Vella, huma importanti għax irawmu l-għaqda nazzjonali. Huwa ħeġġeġ lill-komunità Maltija fil-Kanada biex iżommu l-kuntatti attivi tagħhom u jiltaqgħu ma’ xulxin kemm jista’ jkun spiss permezz ta’ avvenimenti kulturali, festi reliġjużi, lezzjonijiet tal-lingwa u drawwiet kulinarji.
F’Toronto, il-President kellu wkoll laqgħa mal-Maltese Canadian Business Network Association (MCBNA).
Akkumpanjati mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, il-President u s-Sinjura Vella żaru wkoll il-komunità Maltija li tgħix f’Hamilton, Ontario, kif ukoll il-Melita Soccer Club.
Żaru wkoll il-Malta Bake Shop, Malta’s Finest Pastries, u Nannu’s Pastizzi, li jżommu ħajjin id-drawwiet kulinarji ta’ Malta lil hinn minn xtutna.