Huwa stmat li fl-Emirati Għarab Magħquda jgħixu mat-800 Malti u Maltija.
B’hekk, bħala parti mill-aħħar impenn taż-Żjara Uffiċjali fl-Emirati Għarab Magħquda, il-President George Vella u s-Sinjura Miriam Vella iltaqgħu mal-komunità Maltija f’Dubaj.
Il-President Vella appella biex iwasslu il-valuri tagħhom bħala individwi, u dawk ta’ Malta bħala art twelidhom.
Huwa innota li r-raġunijiet u ċ-ċirkostanzi li wassluhom jitilqu minn pajjiżna, huma ferm differenti minn dawk li ġiegħlu lil mijiet jitilqu, speċjalment wara l-Ewwel u t-Tieni Gwerer Dinjija.
Fl-indirizz tiegħu, il-President ħeġġeġ lill-komunità Maltija fl-Emirati Għarab Magħquda biex ma jwarrbux l-ilsien Malti.
Temm jgħid li fl-aħħar mill-aħħar, jekk dawn jirritornaw Malta fejn il-poplu Malti u Għawdxi jkun jista’ jgawdi mill-esperjenzi u l-professjonalità li akkwistaw f’dawn is-snin.