L-Ispeaker tal-House of Commons tal-Kanada Anthony Rota, akkumpanjat minn delegazzjoni, għamel żjara ta’ korteżija lill-President George Vella fil-Palazz ta’ Sant’Anton.
It-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn Malta u l-Kanada tul għexieren ta’ snin ġie diskuss minn perspettivi differenti, li jvarjaw minn skambji fil-livell politiku għal kuntatti kummerċjali u bejn il-popli. Dwar dan l-aħħar punt, sar riferiment għall-preżenza attiva tal-komunità Maltija fil-Kanada, fejn il-President Vella ta ħarsa storika ta’ kif id-dijaspora Maltija evolviet. L-Ispeaker Rota spjega lill-President Vella li l-intenzjoni taż-żjara f’Malta mid-delegazzjoni kienet li jissaħħu r-relazzjonijiet fl-oqsma kollha permezz ta’ network parlamentari.
Ġew diskussi diversi kwistjonijiet ta’ importanza reġjonali u internazzjonali, b’dik prinċipali tkun il-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna flimkien mal-impatt tagħha fuq il-prezzijiet tal-ikel u tal-enerġija madwar id-dinja. Saru skambji wkoll dwar is-sitwazzjoni instabbli fil-Libja u r-rabta tagħha mal-migrazzjoni irregolari fir-rotta tal-Mediterran Ċentrali.