“Ma nikkundannawx ma min ma naqblux.”
Dak kien il-kliem li għażel juża l-President George Vella waqt intervista fuq l-istazzjon nazzjonali b’reazzjoni għall-atteġġjament kontrih dwar id-deċiżjoni kostituzzjonali li kellu jieħu relatata mal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Meta mistoqsi dwar din is-sitwazzjoni li sab ruħu fiha f’Lulju li għadda, il-President fisser it-tul taż-żmien li fih ħa d-deċiżjoni u r-raġunar wara dik id-deċiżjoni.
Il-President stqarr: “L-interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni mhux każ li qed tgħid trid tagħmel hekk bilfors. Għandha interpretazzjoni. Issa min ma jaqbilx miegħek flok jgħidlek: “Ejja npoġġu bilqegħda ħalli tipprova tfehmni u tikkonvinċini għax naħseb din hija aħjar u din mhux tajba”, mhux takkuża. Mhux iridu jkunu jafu min tak dak il-parir. Il-parir dak jien għamiltu u nerfa’ r-responsabbiltà kollha.”
Waqt l-intervista, il-President irrefera wkoll għas-sitwazzjoni finanzjarja tal-Malta Community Chest Fund hekk kif spjega li din ma hija tajba xejn.
Dan wara li riżultat tal-pandemija tal-Covid-19 kellhom jitħassru l-maġġoranza tal-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi ewlenin li ta’ kull sena jdaħħlu introjtu kbir.
Iċċara wkoll il-kontroversja li nqalgħet dwar il-kampanja ‘Help us Help others’ hekk kif din ħabtet fl-istess żmien ta’ attività oħra tal-Fondazzjoni ALS.
Il-President spjega: “L-idea kienet li f’dan il-mument meta qegħdin naraw il-kontijiet kif qegħdin jidhru u meta qed naraw kif it-talbiet kif qegħdin jiżdiedu ridna nagħmlu mezz ħa naraw kif ħa ndaħħlu xi ħaġa bl-ebda skop li ntellqu ma’ xi ħadd.”
Il-President aċċenna wkoll għas-sitwazzjoni medika eċċellenti f’pajjiżna relatata mal-imxija tal-Covid-19.
Sostna li l-awtoritajiet tas-saħħa aġixxew mill-bidu u aġixxew b’mod korrett ħafna. Qal ukoll li s-suċċess li ksibna bħala pajjiż huwa frott ukoll l-ubbidjenza tal-poplu Malti hekk kif mexa b’responsabbiltà mal-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa.
Faħħar ukoll il-ħidma eċċellenti tal-Gvern hekk kif sab il-bilanċ meħtieġ bejn is-saħħa u l-ekonomija: “Għalxejn tibqa’ ħaj biex tmut bil-ġuħ jiġifieri trid terġa’ tibda twaqqaf ix-xogħol u l-Gvern bil-mod il-mod beda jipprova jiftaħ l-ewwel il-pubs imbagħad restaurants imbagħad eventwalment anke safar minn barra.”
Dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni f’pajjiżna, il-President George Vella qal li l-problema ma hijiex waħda li tista’ tissolva fuq livell nazzjonali, iżda hija waħda Ewropea.
Il-President saħaq: “Il-problema kbira, kbira hija hija din in-nuqqas ta’ solidarjetà li teżisti fl-Ewropa. Li minkejja l-paroli u d-dokumenti kollha u l-isforzi kollha li għamlu pajjiżi bħal Malta, bħall-Italja biex nippruvaw inġiegħlu lill-Ewropa tifhem li dan huwa piż li ma nistgħux nerfgħuh waħedna fejn qegħdin?”