Waqt ir-raba’ edizzjoni tal-Malta Architecture and Spatial Planning Awards organizzati mill-Awtorità tal-Ippjanar, il-President ta’ Malta George Vella appella lill-awtoritajiet regolatorji biex ikunu aġenti tal-bidla.
Dan filwaqt, li laqa’ l-leġiżlazzjoni reċenti li tiżgura aktar kompetenzi u kontrolli tal-kumpaniji tal-bini u tintroduċi aktar għarfien dwar il-bżonn ta’ aktar sigurtà għall-ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni nfushom.
Huwa żied jgħid li jrid jiġi żgurat l-infurzar f’kull livell, speċjalment biex jiġi evitat inċidenti.
Fir-rigward tal-proġetti nnominati għall-MASP Awards, il-President qal li wieħed jagħmel il-qalb jara li fejn hemm ir-rieda, kapaċi ferm noħolqu proġetti siguri, funzjonali u li jpaxxu ’l-għajnejn.
“Ħadt gost ninnota li ġew ikkunsidrati l-materjali b’impronta baxxa tal-karbonju u l-miżuri ambjentali għall-kategoriji kollha ppremjati llejla. Interessawni b’mod partikolari l-proġetti ta’ spazji miftuħa pubbliċi li joħolqu żoni mħaddra siguri għallpubbliku fl-irħula tagħna li għandhom densità għolja ta’ bini. Ta’ min wieħed ifaħħar ukoll ir-restawr u rriabilitazzjoni ta’ ġonna storiċi għal dan l-istess skop. Dawn il-postijiet jgħinu jerġgħu jistabbilixxu l-benesseri tal-individwu”, irrimarka l-President Vella.
Fid-diskors tiegħu, il-President Vella sellem il-memorja tal-Perit Martin Xuereb, li huwa magħruf għax-xogħlijiet importanti tiegħu fi proġetti arkitettoniċi madwar Malta u Għawdex, kif ukoll f’ħafna pajjiżi oħra, u ħeġġeġ lillprofessjonisti żgħażagħ jieħdu ispirazzjoni mix-xogħlijiet tiegħu u jaspiraw li jwettqu proġetti tal-ogħla standards kif għamel hu.
Il-President ippreżenta l-Premju tal-President lill-Perit Conrad Thake.