“Il-President tar-Repubblika għandu jiffirma mmedjatament liġi li tgħaddi b’mod demokratiku mill-Parlament skont kif titlob il-Kostituzzjoni.”
Kien dan il-messaġġ ewlieni li għadda l-President ta’ Malta Dr George Vella meta kien qed jitkellem f’Għawdex b’rabta mal-attivitajiet tas-47 anniversarju tal-kisba tar-Repubblika.
Il-Ġimgħa filgħaxija l-President għadda ħsibijiet importanti fil-gżira tat-tliet għoljiet, jiem wara li fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż għaddiet il-liġi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis.
Dr Vella saħaq li tista’ ttawwal ġimgħa, ġimagħtejn iżda eventwalment il-President ta’ Malta jrid jiffirma l-liġi li tgħaddi mill-Parlament għaliex inkella l-President isir jikkmanda kollox, u dak mhux mitlub minnu mill-Kostituzzjoni tal-pajjiż, li hija l-ogħla liġi.
Quddiem appelli biex ma jiffirmax il-liġi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis, Dr Vella saħaq fuq il-ħtieġa t’edukazzjoni politika u qal li hu ma jistax imur kontra l-Kostituzzjoni u jimponi ħsibijietu fuq min għandu l-poter eżekuttiv u fuq il-leġiżlaturi, li huma eletti mill-poplu u jgħaddu l-liġijiet fil-Parlament.
Il-President ta’ Malta qal li l-President għandu jiffirma l-liġijiet li jgħaddu b’mod demokratiku fil-Parlament sakemm ma jkollux oġġezzjoni gravi minħabba l-kuxjenza.
Dr Vella qal li ma nistgħux noħolqu dittatur li jqum filgħodu u jgħid din il-liġi togħġobni u niffirmaha u liġi oħra ma togħġobniex u allura nwaqqafha milli tidħol fis-seħħ, billi ma niffirmahiex.
Il-President ta’ Malta saħaq li hu, bħala gwardjan ukoll tal-Kostituzzjoni, irid ikollu rispett lejn is-saltna tad-dritt.
Intant ONE News hu infurmat li llum il-President ta’ Malta mistenni jiffirma l-liġi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis li għaddiet mill-Parlament bis-saħħa tal-Gvern b’36 vot u 27 vot kontra min-naħa tal-Oppożizzjoni.
B’din il-liġi, biha persuni li jikkonsmaw il-kannabis għal skop personali, u jinstab fuqhom sa seba’ grammi, ma ssirx prosekuzzjoni kontrihom.
Il-liġi tħares ukoll li min jixtri l-kannabis jirrikorri għal swieq legali u żżid il-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga.
Wara l-approvazzjoni tal-liġi, li kien ressaq fil-Parlament il-Ministru Owen Bonnici, il-Prim Ministru Robert Abela kien kiteb fuq twitter li b’din il-liġi mhux qed jiġi inkoraġġit l-użu tal-kannabis iżda l-liġi tirrikonoxxi realtajiet fis-soċjetà u l-Gvern illeġiżla b’mod responsabbli.