Adrian Delia m’għandux jitneħħa minn Kap tal-Oppożizzjoni għaliex għadu jgawdi l-pożizzjoni ta’ Kap tal-akbar partit fl-Oppożizzjoni.
Dan sostnieh fi stqarrija l-President ta’ Malta George Vella, li qal li mill-ġudizzju tiegħu, minkejja li Adrian Delia tilef l-appoġġ tal-akbar grupp singlu ta’ membri parlamentari f’oppożizzjoni għall-Gvern, huwa għadu l-Kap tal-akbar partit fl-Oppożizzjoni fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
Il-President Vella qal li b’hekk din id-deċiżjoni għalissa twaqqaf id-diskussjoni dwar min għandu jkun il-Kap il-ġdid tal-Oppożizzjoni nkluż il-proposta tal-Membri Parlamentari li pproponew lil Therese Comodini Cachia bħala l-Kap tal-Oppożizzjoni.
Il-President ta’ Malta saħaq li din id-deċiżjoni xorta waħda ma toħnoqx kompletament il-possibilità għal diskussjoni sana li kapaċi twassal biex is-sitwazzjoni tikkoreġi ruħha.
Minkejja dan, il-President sostna li ser joqgħod attent għal kull żvilupp li jista’ jseħħ.
Il-President Vella qal li ser ikun qed jirrispetta l-ħarsien tal-andament demokratiku u l-ambjent seren li għandu jirrenja fil-Parlament u fil-pajjiż inġenerali b’kull deċiżjoni finali li jista’ jasal għaliha.
Il-President spjega li l-Ħamis li għadda waranofsinhar ġie infurmat uffiċjalment minn żewġ membri tal-Oppożizzjoni li minn votazzjoni b’mod sigriet irriżultalhom li l-maġġoranza tal-Membri Parlamentari tal-Oppożizzjoni kienu wrew li m’għadx għandhom fiduċja f’Adrian Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni fil-Kamra tad-Deputati.
Dawn iż-żewġ membri, li skont huma kienu qegħdin jirrappreżentaw lill-sħabhom, qalu lill-President tar-Repubblika li m’għadx għandhom aktar fiduċja fil-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u issottomettew li skont il-Kostituzzjoni Adrian Delia kellu jitneħħa minn Kap tal-Oppożizzjoni.
Infurmawh ukoll li l-istess membri kienu wrew fiduċja fil-Membru Parlamentari Therese Commodini Cachia, u kienu qegħdin iressqu isimha biex tiġi kkunsidrata biex tieħu l-ħatra ta’ Kap tal-Oppożizzjoni.
Il-President qal li mill-Ħamis wara nofsinhar u matul il-jum tal-ġimgħa ltaqa’ ma’ ħamsa u għoxrin deputat tal-Oppożizzjoni fosthom Adrian Delia.
Tliet membri oħra kellimhom personalment bit-telefon, tnejn għaliex kienu msefrin, u wieħed għax jinsab ma jiflaħx.
Minn dan l-eżerċizzju rriżulta li mit-tmienja u għoxrin Membru Parlamentari tal-Oppożizzjoni, sittax iddikjaraw li m’għadx għandhom fiduċja f’Adrian Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni.
Ħdax-il membru ddikjaraw li għandhom fiduċja f’Adrian Delia u membru parlamentari wieħed biss stqarr li huwa astjena.
Il-President kwota artiklu disgħin tal-kostituzzjoni u qal li minkejja li din l-isfiduċja fl-ebda ħin ma ġiet iddikjarata jew irreġistrata fil-Parlament, jibqa’ l-fatt li Delia tilef l-appoġġ.
Qal iżda li wieħed irid jikkunsidra l-Artikolu disgħin sib-artikolu tnejn, li jekk jiġi deċiż li l-Kap tal-Oppożizzjoni preżenti jiġi mneħħi mill-kariga, minkejja li jkun għadu fil-fatt Kap tal-Partit tiegħu, kif imsemmi f’dan is-subartikolu, ikun diffiċli, jekk mhux impossibbli, għalih li ma jżommx ma’ dan il-provvediment.
Il-President qal li jekk il-Kap tal-Oppożizzjoni jitneħħa mill-kariga bis-saħħa tal-Artikolu disgħin subartikolu erbgħa, u immedjatament, jew aktar tard, jiġi maħtur mill-ġdid Kap tal-Oppożizzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 90 subartikolu tnejn u ċ-ċirkostanzi ma jkunux inbidlu, tkun qiegħda tinħoloq anomalija, li żgur mhux dak li tixtieq il-Kostituzzjoni.