Dan għadu biss il-bidu, hekk kif irridu naraw dak li jiffridna u jkollna l-għaqda nazzjonali f’pajjiżna.
Dan intqal mill-President ta’ Malta George Vella, fil-bidu tal-Konferenza għall-Għaqda Nazzjonali li qed issir fil-Palazz Verdala u qed tixxandar b’mod online.
Il-President ta’ Malta qal kif l-ewwel pass ta’ din il-konferenza għandha tagħraf x’inhu dak li jiffridna, u t-tieni pass huwa dak li niġġieldu dawn l-isfidi. Qal kif kulħadd jrid jammetti li żbalja u ħadd ma jipponta subgħajh lejn ħadd u rridu nkunu flimkien bħala poplu f’dan il-proġett.
B’diskors skjett, il-President ta’ Malta qal kif fuq il-midja soċjali, ħafna minnha qisna tlifna r-rispett lejn xulxin b’kummenti dispregjattivi, hekk kif qed ikun hemm firda sħiħa.
Il-President Vella qal kif huwa ilu jaħseb dwar dan sabiex l-għaqda, li ġensna tant hu magħruf għaliha, tkun irfinata u tkompli sseddaq lil dan in-nazzjon.
Qal kif din il-konferenza waslet biex tkun fl-agenda nazzjonali, hekk kif anke tfal fl-iskejjel ippreparaw għal dan.
Fost is-suġetti li qed ikunu diskussi hija dwar l-ambjent, ix-xandir u l-istat tad-dritt, fost oħrajn. Il-President George Vella qal din il-konferenza se tkun qed twassal il-messaġġ tal-poplu Malti.