Il-pjan ta’ ħidma tal-Gvern tul il-ħames snin li ġejjin se jkun imsejjes fuq numru ta’ prinċipji; ewlenin fosthom li jkun sostnut l-irkupru ekonomiku, li jibqgħu jiġu mgħejjuna n-nies, li jonqsu t-taxxi għal kulħadd u li jibqa’ jiġi inċentivat l-investiment.
Fid-diskors tiegħu waqt il-ftuħ tal-Parlament, il-President ta’ Malta, Dr George Vella tkellem dwar il-ħidma tal-Gvern fil-ħames snin li ġejjin.
Huwa beda billi ta serħan il-moħħ li bħalma l-Gvern għen matul il-pandemija, se jkompli jkun ta’ spalla għall-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin, minħabba l-gwerra fl-Ukrajna.
Qal, “Il-Gvern mhux biss konxju ta’ dawn l-isfidi iżda jinsab għaddej kontinwament b’diskussjonijiet u b’azzjonijiet kontinwi bil-għan li jilqa’ għall-impatt fuq il-poplu Malti u Għawdxi. Kif għamel tul il-pandemija, il-Gvern se jassigura li jkun ta’ spalla għan-nies u għan-negozji. Huwa fl-iktar mumenti diffiċli li l-iktar irridu nkunu man-nies. Żgur li m’għandniex naqtgħu qalbna.”
Il-President tenna li l-Gwerra fl-Ukrajna hija kundannabbli u l-unika triq aċċettabli hija dik tad-djalogu. Semma kif pajjiżna huwa newtrali għalkemm dan ma jfissirx li wieħed għandu jagħlaq għajnejh quddiem l-inġustizzji.
Dr George Vella saħaq kif l-ekonomija qed tirkupra b’mod saħħtu mill-pandemija u kif it-tkabbir ekonomiku wassal għall-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja.
Qal li waħda mill-prijoritajiet tal-Gvern se tkun li jkompli jnaqqas it-taxxa għal kulħadd.
Il-President semma l-akbar pakkett ta’ fondi Ewropej li nkiseb fil-leġiżlatura li għaddiet u li permezz tiegħu se jsiru proġetti ambjentali ambizzjużi.
Spjega, “Iżda hemm bżonn inkunu innovattivi meta niġu biex ikollna spazji pubbliċi u miftuħa ġodda f’żoni urbani – u nippjanaw aktar bi ħsieb sabiex nissalvagwardjaw il-karatteristiċi uniċi tal-irħula u l-ibliet tagħna – parti importanti mill-identità tagħna u l-wiċċ tan-nazzjon tagħna. Din trid tkun l-iktar amministrazzjoni li tinvesti għal dan il-għan. Għalhekk se jkunu allokati 700 miljun ewro għal dawn il-proġetti.”
Prijorità oħra tal-Gvern se tkun il-garanzija tat-tfal, biex kulħadd ikollu l-istess opportunitajiet.
Ġew elenkati wkoll il-proġetti ta’ akkomodazzjoni soċjali u anki t-tisħiħ fil-pensjonijiet.
Il-President wiegħed li s-saħħa mentali se tingħata l-importanza li jistħoqqilha.
Qal, “Is-snin li ġejjin se jkunu kruċjali sabiex pajjiżna jilħaq il-milja tas-servizzi speċjalizzati u b’xejn fil-qasam tas-saħħa mentali, proġetti li jmorru lil hinn minn dak li qatt kellna bħalu sa issa, u jilħaq lil dawk kollha li jkollhom bżonnu. Daqskemm tajna attenzjoni u enerġija biex niġġieldu l-pandemija fl-aħħar sentejn, daqshekk ieħor irridu nagħtu biex niġġieldu din ir-realtà tas-soċjetà llum.”
Il-President semma wkoll l-importanza li jkomplu jissaħħu l-liġijiet tal-IVF.
Qal li Malta li rridu nibnu fil-ħames snin li ġejjin, hija Malta isbaħ, aktar ġusta u sostenibbli.
Qal, “Għalhekk kull sfida trid twassalna biex inwettqu bidliet dejjem aktar kuraġġużi. Huwa biss jekk inkomplu niġġeddu li nibqgħu nkunu pajjiż ta’ suċċess. Flimkien mhux biss għandna l-potenzjal li niksbu l-aspirazzjonijiet kollha tagħna, imma li nkomplu ngħollu l-livell ta’ dak li kapaċi nilħqu. Pajjiżna u l-poplu tiegħu għandu futur sabiħ jekk nagħrfu naħdmu għalih. Jiddependi minna lkoll flimkien.”