Il-President George Vella indirizza l-konferenza tal-Pjattaforma Nazzjonali tal-Kanċer, li twaqqfet fl-2015, fejn fakkar il-ġlieda kontinwa kontra l-kanċer, waħda mill-akbar battalji li wieħed jista’ jiffaċċja, iżda rrikonoxxa li llum saru avvanzi kbar fl-apparat u l-mediċina realata.
Fil-konferenza, bit-tema ‘Getting Through Cancer Together’, il-President Vella tenna l-importanza ta’ din il-pjattaforma fejn semma kif is-suġġett tal-kanċer hu wieħed sensittiv u li jaf jolqot lil kulħadd.
Stqarr dan filwaqt li fakkar kif numru ta’ organizzazzjonijiet li jaħdmu qatigħ f’dan is-settur jeħtieġ jibqgħu magħqudin biex jilħqu aħjar il-miri tagħhom għall-ġid tal-komunità.
Il-President qal kif bħala organizzazzjonijiet jistgħu jgħinu sew lil xulxin, anke permezz ta’ din il-pjattaforma.
“Numru ta’ organizzazzjonijiet, li għandkom interessi differenti, ħafna drabi però, imbagħad flimkien tgħaqqdu u tgħinu lil xulxin anke għax tkunu qegħdin tħarsu mil-lat ħolistiku lejn din l-isfida.”
Il-President tenna l-importanza dwar l-għarfien u li wieħed iħares saħħtu kemm b’mod preventiv, iżda fl-istess waqt anke jagħmel it-testijiet neċessarji fejn ikun hemm bżonn.
Enfasizza fuq kemm hu importanti li nikkonċentraw u ngħarfu sew dwar għandha tagħmel persuna ladarba jinstab li qed tbati minn xi tip ta’ kanċer. Tenna jgħid kif wieħed m’għandux jittraskura l-appuntament li jintbagħatlu biex jattendi għal testijiet, għax illum il-ġurnata għandna apparat u teknoloġija li jaqbdu l-kanċer mill-bidu tiegħu.
Il-konferenza nazzjonali kellha l-għan li toħloq għarfien akbar fost il-pubbliku dwar kif wieħed jista’ jnaqqas ir-riskji li jkun espost għall-kanċer jew jgħin lil vittmi qrib tiegħu fi żminijiet mill-aktar diffiċli fil-ħajja.