F’għeluq it-tliet snin tiegħu bħala President ta’ pajjiżna, Dr George Vella ġedded l-appell tiegħu għall-għaqda Nazzjonali.
Tema għal qalbu u li ddedika ħafna minn ħinu bħala President għaliha.
F’intervista li għamel huwa appella sabiex għalkemm wieħed jista’ ma jaqbilx, qatt ma tintuża mibegħda fil-konfront ta’ Maltin oħra minħabba diverġenzi fl-opinjoni.
“Ma jfissirx li jekk inti ma naqbilx miegħek, biex nipprova nikkonvinċik kemm hu sabiħ il-vjola, għandi ninsultak, għandi nweġġgħek, għandi nikkalunjak, għandi nkellmek bi kliem dispreġjattiv u ngaralek kull ma nista’. Dan hu li jweġgħani jien u speċjalment kemm ilna nużawhom dawn l-imberkin social media rajna illi qed jipprovdu okkażjoni fejn dak li jkun qisu jiżvoga l-agħar sentimenti tiegħu. Dan mhux il-poplu Malti.”
Il-President ta’ Malta fakkar kif madankollu, l-poplu Malti dejjem wera li kapaċi jingħaqad favur kawżi li jkunu jirrikjedu s-solidarjetà ta’ kulħadd.
L-għada ta’ tmiem iż-żjara tal-Papa Franġisku, il-President tkellem ukoll dwar l-esperjenza tiegħu tul il-jumejn taż-żjara Appostolika.
Huwa stqarr kif il-Papa Franġisku għandu karattru dħuli u li jiġbdek anke meta tkellmu b’mod personali.
“Interessanti jiġifieri spiċċa ħinijiet minnhom spiċċajna tkellimna anke fuq ċertu kotba infatti għadni kemm ordnajt dalgħodu ktieb li semmieli hu stess li ma kontx naf bih imma rrakomandahuli jiġifieri hemm dak l-affidament. U anke meta konna qiegħdin nintroduċu lill-familjari dar fuq il-mara, qalilha kemm jixbħuk ħutek, dak it-tip, hemm dak l-element personali, illi ma jibqax il-papa li wieħed miġbud lura minnu imma għandu karattru ħelu ħafna.”
Wara l-merħba sabiħa li l-Papa Franġisku ngħata mill-Maltin, il-President George Vella stqarr kif il-Papa jiġbed lil kulħadd.
Stqarr li bi kliemu saħansitra jiġbed ukoll lil min mhux Kattoliku prattikanti.
“Dan reġa’ daħal f’qalb il-Maltin, anke ta’ min forsi ma jipprattikax imma dan għal qalb il-Maltin għaliex jitkellem il-lingwa ta’ the man in the street. Kif tista’ ma taqbilx miegħu meta jappella sabiex dak li jkun iġib l-għaqda, jew jagħti karità jew jirrispetta lil barrani jew inkella ma jaqbilx mal-gwerra. Ma tistax tgħidlu ma naqbilx miegħek.”
Fl-istess intervista huwa tkellem ukoll dwar sfidi li kellu tul dawn l-aħħar tliet snin, bħal kwistjonijiet kostituzzjonali u l-pandemija tal-Covid-19.
Dan filwaqt li stqarr kif issa qed iħares ’il quddiem lejn dawn is-sentejn li ġejjin sabiex ikompli jaqdi lil pajjiżna bħala President tar-Repubblika.