Il-President ta’ Malta George Vella appella biex tinħoloq kuxjenza ħalli aktar persuni jmorru jagħtu d-demm.
Il-President qal dan f’messaġġ lejliet il-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm, li fih spjega kif minkejja li d-dinja tinsab f’pandemija, il-bżonn tad-demm ma waqafx.
Fil-fatt, il-President spjega li l-virus tal-COVID-19 ġab miegħu sens ta’ biża’, imma xorta ma waqqafx lil iktar minn elf ruħ li tul l-aħħar sena taw id-demm għall-ewwel darba.
Qal, “Il-ġest nobbli tagħkom għen il-kura f’waqtha lil ħafna minn ħutna li nstabu f’qagħda kritika ta’ saħħa, u lil dawk li jkollhom il-bżonn kontinwu tat-trasfużjonijiet tad-demm. Grazzi lilkom id-donaturi kollha li għaraftu l-ġid li jsir mill-ġest tagħkom u tal-eżempju t’altruwiżmu li qed tagħtu lil ħaddieħor.”
Il-President indirizza wkoll liż-żgħażagħ biex isibu l-ħin u l-kuraġġ biex jagħmlu dan il-ġest mill-isbaħ.
Huwa rringrazzja lill-ħaddiema tas-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm, għax-xogħol imprezzabbli li jagħmlu ta’ kuljum.
Dan għaliex fl-aħħar sena, dawn il-ħaddiema offrew ukoll is-servizz tagħhom biex ilaqqmu parti mill-popolazzjoni kontra l-COVID-19 fiċ-Ċentru fi Gwardamanġa.