Il-President ta’ Malta, George Vella, appella biex l-immigrazzjoni irregolari, li hija sfida tal-pajjiżi fil-Mediterran, tinżamm fuq nett tal-aġenda tal-Unjoni Ewropea.
Huwa kien qed jitkellem fi tmiem is-17-il laqgħa annwali tal-Presidenti mhux eżekuttivi fl-Unjoni Ewropea, magħrufa bħala l-Arraiolos, li fiha kien hemm preżenti l-Presidenti ta’ Malta, tal-Estonja, tal-Ġermanja, tal-Greċja, tal-Ungerija, tal-Irlanda, tal-Italja, tal-Latvija, tal-Polonja, tal-Portugall, tas-Slovakkja, u tas-Slovenja.
F’din il-laqgħa, li saret f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, il-Belt, il-President Vella sostna fuq il-bżonn tas-solidarjeta sabiex il-pajjiżi Ewropej kollha jgħinu lill-pajjiżi l-aktar milquta minn din l-isfida.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-President Malti, flimkien mal-Kapijiet ta’ Stat l-oħrajn preżenti, ikkundannaw l-gwerra fl-Ukrajna, li qed twassal għall-kriżi tal-enerġija. Saħqu li l-għaqda u l-paċi għandhom jirrenjaw fil-kontinent Ewropew.
Il-President Vella kkummenta li din il-gwerra tikser il-liġijiet internazzjonali u tonqos mir-rispett lejn is-sovranità ta’ pajjiż indipendenti.
Fuq l-aġenda tal-Presidenti kien hemm ukoll, fost l-oħrajn, suġġetti bħall-edukazzjoni u s-saħħa. Fi tmiem il-laqgħa, huma rringrazzjaw lill-President Vella u lill-poplu Malti tal-ospitalità li tahom pajjiżna.