Il-President ta’ Malta ħatar erba’ Maġistrati ġodda.
Fi stqarrija mill-Uffiċċju tal-President, il-Ħamis filgħodu, inqtal li dawn huma Kevan Azzopardi, Gianella Camilleri Busuttil, Abigail Critien u Joseph Gatt.
Stqarrija mill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta qalet li din l-għażla saret wara espressjonijiet ta’ interess għal dawn l-erba’ kariġi f’Diċembru li għadda.
Ġie spjegat kif il-Kumitat għall-Ħatriet fil-Ġudikatura rċieva u għarbel b’kollox sitta u għoxrin (26) espressjoni ta’ interess għal dawn l-erba’ karigi fil-Qrati Maltin.
Nhar l-Erbgħa li għadda, il-Kumitat ippreżenta lill-President ir-rapport dettaljat dwar il-kandidati li ġew irrakkomandati b’mod unanimu bħala idonei għal din il-kariġa.
Din iż-żieda fil-korp tal-ġudikatura hija parti minn proċess sabiex ikun hemm aktar Imħalfin u Maġistrati fil-Qrati tal-Ġustizzja.
Dan hekk kif f’Diċembru li għadda, il-President George Vella ħatar lil Doreen Clarke u Josette Demicoli bħala żewġ Imħalfin ġodda.
Dan il-proċess se jkompli jżid l-effiċjenza tal-Qorti u, apparti minn hekk, tissaħħaħ il-ġudikatura.
L-istqarrija ttemm tgħid li l-President jifraħ lill-Ġudikanti ġodda u rringrazzja lill-Membri tal-Kumitat war il-Ħatriet tal-Ġudikanti għax-xogħol siewi u metikoluż li wettqu.
Intant, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, innota kif permezz ta’ dan, il-ġudikatura ta’ Malta se tkompli tissaħħaħ.
Dan se jfisser li l-bank tal-ġudikatura se jkollu żewġ maġistrati addizzjonali, anke wara li ftit ilu nħatru żewġ Imħallfin ġodda.
Il-Ministru Attard saħaq kif il-Gvern huwa kommess li jkompli jagħti r-riżorsi kollha meħtieġa biex jara li l-ġustizzja ssir u tidher li qed issir fi żmien raġonevoli.