Il-President tar-Repubblika Myriam Spiteri Debono żaret l-aħħar preparamenti b’rabta mal-avveniment ta’ din is-sena ta’ ‘Rockestra’, li se jkollu t-tema ‘The Big Jam’.
Dan il-kunċert, li ilu appuntament annwali fil-kalendarju Malti għal dawn l-aħħar 15-il sena, se jittella’ nhar is-Sibt li ġej taħt it-tinda tal-MFCC f’Ta’ Qali u, bħas-soltu, il-qligħ minnu se jmur b’risq il-Malta Community Chest Fund.
Fl-isfond tal-melodija tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, kif ukoll il-mota tal-baned, bil-kitarri u t-tnabar, se jkunu qed jindaqqu wħud mill-aqwa siltiet mill-ġeneru rock, minn diversi artisti u bi spettakli li jmorru lil hinn minn dak tradizzjonali.

Waqt li żaret l-aħħar preparamenti, il-President tkellmet ukoll mal-artisti u dawk li jaħdmu qatigħ minn wara l-kwinti – minn kantanti u mużiċisti, sa crew u żeffiena.
F’kumment lil ONE News, il-President tkellmet dwar kif, din is-sena, ‘Rockestra’ se joffri xi ħaġa differenti, filwaqt li dawk li jattendu s-Sibt se jagħmlu dan għal għan nobbli.
“U din id-darba n-novità se tkun li se jkun hemm session li qed isejħulha l-organisers u anke ż-żgħażagħ voluntieri li għandna bħala l-‘Big Jam’, li qed jgħidu li mhijiex tas-soltu u se tkun l-attrazzjoni tas-serata.”
Myriam Spiteri Debono, President tar-Repubblika
Hawn spjegat ir-raġuni li dan l-avveniment mhux se jittella’ fiż-żmien li tipikament jittella’ fih.
“Ħa ngħidlek veru ma kienx possibbli li ssir fiż-żmien li anke l-poplu kien dera li ssir, imma aħna ma nistgħux nħallu li jgħaddi ż-żmien u jekk għandna attività li hi popolari u li jkollna konkorrenza għaliha, din ma narawx li f’xi żmien intellgħuha, għax aħna ntellgħuha biex nkunu nistgħu ngħinu aktar”.
Myriam Spiteri Debono, President tar-Repubblika
Il-biljetti għal dan l-avveniment għall-karitjistgħu jinkisbu fuq is-sit showshappening.com.